Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Il-Prim Ministru ħabbar li se jerġgħu jiftħu ċ-Childcare Centres u Skolasajf

Robert Abela tenna li se jaddotta l-istess filosofija tal-eks Prim Ministru Laburista, Joseph Muscat

Kontra kull appell tal-ħaddiema u l-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa, fosthom tal-unions tal-ħaddiema fis-settur, il-MAM, l-MUMN u l-UĦM Voice of the Workers, il-Prim Ministru ħabbar li se jkun qiegħed jirrilassa aktar miżuri, fosthom il-ftuħ taċ-child care centres u l-iskolasajf.

Il-ftuħ taċ-Childcare Centres se jkun pass tajjeb f’dik id-direzzjoni, ta’ SkolaSajf ukoll, imma hija realtà li għandna ħaddiema mill-workforce tagħna li qegħdin id-dar,. Għaldaqstant, l-inċentiv lil dawk il-ħaddiema irid ikun li jaqbel lil dawk il-ħaddiema li jirritornaw fuq il-post tax-xogħol.”

Din l-istqarrija wasslet fost retorika sħiħ ta’ ftuħ ekonomiku apert illum qabel għada fid-diskors tiegħu tal-Ħadd fuq l-istazzjon Laburista, ONE, tant li qal li ma jistax ikun nibqgħu nbeżżgħu għaliex m’għadux żmien li toqgħod id-dar imma li kulħadd joħroġ għax-xogħol:

Jekk tgħid lili, ir-ritorna għan-normalità sħiħa ma jista’ qatt isir jekk inkunu qed ngħixu f’ċirkostanza ta’ li trid toqgħod id-dar, għandek it-tfal id-dar. Dawn huma affarijiet li jbiegħduk milli tmur lura għan-normalità.”

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, il-ħaddiema taċ-ċivil kienu rċievew ċirkolari fejn biha ġew obligati jidħlu lura għax-xogħol u ma jibqgħux jaħdmu bit-teleworking.

Din in-normalità li Robert Abela qiegħed jippersisti li jdaħħal qegħda ssir f’perjodu li f’pajjiżna l-Ħadd kien hawn 128 każ attiv ta’ COVID-19 irreġistrat iżda minflok, il-Prim Ministru qal hekk:

Fil-mument li qtilna dik l-imxija, stajna nibdew nirrillassaw il-miżuri restrittivi.”

Mhux talli hekk, talli l-Prim Ministru għamel elenku ukoll dwar il-famuża frażi tiegħu, li l-mewġ jinsab fil-baħar, hekk kif issa emendaha ftit:

Għandna ġurnata sabiħa mingħajr mewġ.”

Meta mistoqsi mill-eks ġurnalista ta’ ONE News, Paula Cauchi, dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-familji Maltin, Robert Abela ma qabilx mal-mod kif poġġiet il-mistoqsija:

Qabel semmejt id-daqq ekonomika Paula. Ma naqbilx miegħek hemmhekk.”

Anzi, għal Robert Abela, huwa essenzjali għal pajjiżna li jimxi fuq il-pariri tal-eks-Prim Ministru, Joseph Muscat u għalhekk se jżomm il-mudell tal-aħħar 7 snin mingħajr ma jinbidel xejn.

L-istess filosofija li mexxietna f’dawn l-aħħar 7 snin, hija l-istess filosofija li se tmexxina fis-snin li ġejjin.”

Iżda r-retorika li tal-erfa’ u sorr meta tiġi bżonn, li kien iħambaq fuqha fil-bidu tal-pandemija f’pajjiżna, partikolarment għal dawn il-ħaddiema spiċċaw qegħda, issa sfaxxata fix-xejn hekk kif Robert Abela qal li wieħed ma jaqbillux iġemma l-flus:

Iva jaqbillek u rridu ninċentivaw lin-nies li inti jaqbillek tonfoq. (…) Il-mument mhux li tħalli l-flus fil-bank għax ma jaqbillekx iżżomm il-flus fil-bank.”

Il-Prim Ministru evita ukoll isemmi l-iskandlu tal-Vitals u Steward meta qal li s-suċċess ekonomiku wassal għal aktar investiment fil-qasam tas-saħħa hekk kif kien il-Gvern li nvesta mal-€240 miljun f’proġett li falla qabel ma beda.

Intant, b’reazzjoni għal dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, is-Sibt filgħodu li s-soluzzjoni għall-problema tal-immigrazzjoni qatt m’għandha tkun il-pushback, il-Prim Ministru qal li s-soluzzjoni tal-problema tal-immigrazzjoni żgur mhijiex ir-rilokazzjoni:

Semma li s-soluzzjoni hija waħda ta’ rilokazzjoni, iġifieri li jitqassmu l-immigranti bejn numru ta’ pajjiżi. Is-soluzzjoni mhijiex dik. Is-soluzzjoni turik li hija fl-ixtut Libjani.”

B’kuntrast, il-Kap tal-Oppożizzjoni tenna l-appell tiegħu lill-Unjoni Ewropea biex tagħmel il-parti tagħha wkoll mingħajr ma titratjeni għax Malta ma tiflaħx aktar.