Lokali

“Irridu riforma b’saħħitha biex il-Kostituzzjoni tkun it-tarka tal-poplu” – Jason Azzopardi

Il-Gvern ippubblika l-proposti tiegħu mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u mingħajr ma saret diskussjoni ġenwina u reali

“Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għar-riforma Kostituzzjonali għandhom l-iskop li jwasslu biex pajjiżna jkollu Kostituzzjoni b’saħħitha fejn jiżdiedu d-drittijiet taċ-ċittadini u hekk ikollna ċ-ċittadini tagħna li ma jkunux iħossuhom iżjed żgħar quddiem il-politiċi u fejn il-politiċi jagħrfu li qegħdin hemm biex verament jaqdu u jservu liċ-ċittadini.

“Aħna rridu riforma Kostituzzjonali b’saħħitha biex il-Kostituzzjoni tkun it-tarka tal-poplu, jiżdiedu d-drittijiet taċ-ċittadini u jissaħħu l-istituzzjonijiet tagħna biex qatt aktar ma jispiċċaw jinħatfu mill-Gvern.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Kelliem għall-Ġustizzja, li miegħu tkellimna fit-tul dwar il-proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista għar-riforma fil-Kostituzzjoni.

Matul dawn l-aħħar snin għexna l-esperjenza fejn il-Gvern uża l-liġijiet preżenti biex jaħtaf il-poter, iktar milli wieħed jistenna f’demokrazija normali, u meta mal-poter iżżid ukoll il-korruzzjoni jkollok ir-riċetta għall-agħar realtà politika.

Jason Azzopardi enfasizza li l-proposti li l-Oppożizzjoni qed tressaq jassiguraw li dan kollu ma jerġax jiġri, fejn ħadd ma jkollu l-poter assolut iżda fejn il-poplu jkollu s-saħħa finali, fejn l-istituzzjonijiet tagħna verament iservu lill-poplu u mhux lill-Gvern.

Dan kollu l-Oppożizzjoni mhix qed tagħmlu għax qaltilna l-Kummissjoni Venezja imma għax temmen li ħadd m’għandu jilgħab mad-demokrazija u l-politika għandha tkun hemm għas-servizz tal-poplu.

Il-Gvern ippubblika l-proposti tiegħu mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u mingħajr ma saret diskussjoni ġenwina u reali. L-Oppożizzjoni qed tippubblika l-proposti tagħha li ilhom jiġu diskussi għal bosta xhur u kienet lesta tiddiskutihom fl-isteering committee tal-President.

Dawn il-proposti se jassiguraw li jkun hemm firxa wiesa’ tal-poter biex jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u jissaħħu wkoll l-istituzzjonijiet ta’ pajjizna.

Il-proposti tal-Oppożizzjoni, fisser Jason Azzopardi, għandhom tliet skopijiet prinċipali:

• miżuri biex jitnaqqsu poteri żejda f’idejn il-Prim Ministru;

• jiżdiedu d-drittijiet taċ-ċittadini; u

• jissaħħu l-istituzzjonijiet.

Għalhekk l-Oppożizzjoni qed tagħmel sensiela ta’ proposti fost l-oħrajn maħsuba biex il-President tar-Repubblika jinħatar b’riżoluzzjoni li tkun sostnuta minn żewġ terzi tad-deputati.

Ma jagħmilx sens li President jinħatar b’maġġoranza sempliċi tad-Deputati tal-Kamra u jitneħħa b’maġġoranza sempliċi.

Jason Azzopardi qal li: “Wieħed jista’ jieqaf hemm. Wara kollox anki l-karigi tal-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Standards Ħajja Pubblika jridu jkollhom żewġ terzi ta’ appoġġ biex jinħatru. Il-fatt li ma jkunx hemm alternattiva oħra ta’ elezzjoni ġġiegħel lill-partiti jaqblu fuq nomina.

“L-esperjenza wriet li din il-proposta hi fattibbli għax fl-aħħar żewġ elezzjonijiet, minkejja li din ir-regola llum ma teżistix, xorta waħda ntlaħaq qbil bejn iż-żewg partiti fil-Parlament; u kemm fil-ħatra tal-President Marie Louise Coleiro Preca kif ukoll fil-każ tal-ħatra tal-President George Vella, kien hemm maġġoranza ta’ aktar minn żewġ terzi għall-ħatra tagħhom.

“Ta’ min ukoll jgħid li wara l-elezzjoni tiegħu, il-President George Vella kien esprima ruħu favur l-introduzzjoni ta’ din ir-regola. L-Oppożizzjoni diġà għandha abbozz ta’ liġi preparat dwar din il-proposta.”

Hawnhekk tkellimna dwar il-ħtieġa ta’ firxa aħjar tal-poter u Jason Azzopardi qal li llum l-istituzzjonijiet imwaqqfa bil-Kostituzzjoni għal skopijiet differenti, u ċioè l-Awtorità tax-Xandir, il-Kummissjoni Servizz Pubbliku, il-Kummissjoni Elettorali, u l-Kummissjoni Impjiegi, kollha jinħatru mill-Prim Ministru ħlief l-aħħar waħda fejn tnejn minn tlieta jinħatru fuq parir tal-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda t-tlieta l-oħra jinħatru mill-President fuq parir tal-Prim Ministru.

Hu spjega li matul is-snin żviluppat tradizzjoni li f’dawn il-Kummissjonijiet nofs il-membri jinħatru minn fost nies li għandhom il-fiduċja tal-Gvern, nofs l-ieħor li jgawdu fiduċja tal-Oppożizzjoni u ċ-Chairmen rispettivi jipprova jintlaħaq konsensus. Fejn iżda dan il-konsensus ma jintlaħaqx, il-Prim Ministru juża l-poteri li tagħtih il-Kostituzzjoni u jaħtarhom hu.

“Veru li dawn in-nomini jsiru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda fil-verità din ma hi konsultazzjoni xejn iżda Kastilja tibgħat tinforma lill-Kap tal-Oppożizzjoni bil-ħsieb tagħha. Terġa’ ebda Qorti ma tista’ tindaga jekk saritx konsultazzjoni, aħseb u ara kemm se tindaga jekk saritx sew! Għalhekk tajjeb li dak li hu tradizzjoni issa jsir liġi.”

Jason Azzopardi kompla li l-kummissjonijiet u l-awtoritajiet indikati għandhom jinbdew jinħatru mill-President għar-rigward nofs minn fost membri nominati mill-Prim Ministru u n-nofs l-ieħor mill-Kap tal-Oppożizzjoni (dan diġà jiġri fil-każ tal-Kummissjoni Impjiegi).

Iċ-Chairpersons ta’ dawn l-istituzzjonijiet kostituzzjonali jinħatru b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tad-Deputati kollha tal-Kamra tad-Deputati u fejn dan ma jsirx f`ċertu terminu, allura dan jinħatar mill-President li jaġixxi skont il-ġudizzju deliberat tiegħu u jeżerċita dan il-poter mingħajr indħil u parir ta’ ħadd.

Dan ma japplikax għall-Kummissjoni Amministrazzjoni Ġustizzja li għandha tibqa’ komposta kif inhi.

Biex jiżdied l-iskrutinju tal-Qrati fuq l-operat tal-Prim Ministru għandu jkun abolit l-Artikolu 86(3) tal-Kostituzzjoni li ma jħallix il-Qrati jissindakaw jekk il-Prim Ministru agixxiex jew le fuq rakkomondazzjoni ta’ xi persuna jew awtorità ohra, anki jekk dik ir-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 86(1) hi vinkolanti.

Dwar iż-żieda tal-poteri tal-President, Jason Azzopardi qal li:  

• Il-prerogattiva tal-maħfra (Art 93 tal-Kost.) tingħata f’idejh. Hu jista’ jkun assistit minn kumitat tekniku li jagħtih pariri iżda d-deċiżjoni tkun tal-Kap tal-Istat.

• Hu jkun jista’ jibgħat lura Abbozz ta’ Liġi lill-Kamra għal rikonsiderazzjoni f’seduta speċjali. Dan jista’ jsir għal raġunijiet ta’ dubji dwar validità kostituzzjonali. Jekk il-Kamra tinsisti li żżomm l-Abbozz kif inhu, allura tibgħat lura l-Abbozz għall-firma tal-President li jkun obbligat li jagħti l-kunsens. Jekk tkun trid tagħmel xi emendi jsir recomittal skont l-Istanding Orders. Dan ma jappilakx għall-Att dwar l-Approprjazzjoni.

Hawnhekk tkellimna dwar l-obbligu ta’ governanza tajba u Jason Azzopardi qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li fil-Kostituzzjoni jidħol provvediment biex l-Istat bħala gwardjan tas-saltna tad-dritt, u l-patrimonju nazzjonali u l-ġid tas-soċjetà jaġixxi legalment, b’mod raġjonveli u proporzjonat u li jonfoq il-fondi pubbliċi bil-galbu u kif suppost. Dwar dan il-Partit Nazzjonalista għandu Abbozz ta’ Liġi li hu lest.

Sadattant il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li kull persuna jew organizzazzjoni mhux governattiva tkun tista’ tibda proċeduri biex liġi tkun dikjarata kontra l-Kostituzzjoni.

Sal-lum persuna trid tipprova interess ġuridiku attwali u personali meta tattakka liġi a bażi tad-drittijiet tal-bniedem. B’hekk l-actio popularis ikun estiż għal kull impunjazzjoni ta’ liġi, anki dawk a bażi tad-drittijiet tal-bniedem, temm Jason Azzopardi.