Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, beda għaddej minn proċess tal-qorti fejn qed iwieġeb għal akkużi ta’ korruzzjoni. Din hi l-ewwel darba fl-istorja li Prim Ministru Iżraeljan fil-kariga qed ikun suġġett għal proċess bħal dan, b’Netanyahu qed jiddefendi ruħu kontra akkużi ta’ tixħim, frodi u ‘ksur tal-fiduċja tal-poplu’.
L-ewwel sessjoni tal-ġuri saret ftit tas-sigħat ilu ġo Qorti Distrettwali ta’ Ġerusalemm. Intant, Netanyahu — li qed jiċħad kategorikament għall-akkużi — irrifjuta l-appelli tal-avversarji politiċi biex iwarrab minn Prim Ministru għaż-żmien kollu li jdum għaddej il-proċess.
Dan il-ġuri qed isir ġimgħa biss wara li Netanyahu ħa l-ġurament bħala l-Kap ta’ Gvern Iżraeljan ġdid għall-Għaqda Nazzjonali. Ir-rivali politiku tiegħu, Benny Gantz, li jmexxi lill-Partit Blu u Abjad (partit liberali taċ-ċentru), qabel biex jaqsam il-poter ma’ Netanyahu wara tliet elezzjonijiet ġenerali inkonklussivi f’Iżrael, f’anqas minn sena.
Benjamin Netanyahu, li jmexxi lill-Partit Likud, hu l-aktar Prim Ministru Iżraeljan li dam iservi fil-kariga. Dan meta Netanyahu ilu fil-poter mill-2009 minbarra li kien ikkonkluda mandat ieħor ta’ tmexxija bejn l-1996 u l-1999.
Sadanittant, Benjamin Netanyahu qed jinsisti li l-akkużi ta’ korruzzjoni miġjuba kontra tiegħu huma kolla parti minn ‘konfoffa’ u li hu ‘se joħroġ minn dan il-proċess bir-reputazzjoni tiegħu intatta’.
//= $special ?>