Coronavirus Lokali

Jikber it-tħassib fost il-Maltin dwar il-COVID-19 f’pajjiżna

Fl-aħħar ġimgħat, kien hemm żieda sostanzjali fost il-Maltin u l-Ghawdxin fit-tħassib taghhom dwar il-COVID-19. Dan minkejja li l-Prim Ministru qed jipprova jwassal il-messaġġ li għandna għalxiex niċċelebraw.

Survey tal-MaltaToday juri li 53% tan-nies qed jgħidu li huma inkwetati dwar il-Coronavirus żieda mit-43% reġistrati f’Marzu li għadda meta l-pandemija faqqghet f’pajjiżna.

Minn Marzu l’hawn, Malta rreġistrat sitt imwiet kawża tal-virus u aktar minn 600 każ.

Dan l-aħħar stħarriġ sar bejn il-11 u l-15 ta’ Mejju u mill-ġdid jikkonferma li n-nisa b’mod ġenerali huma ferm aktar inkwetati b’din il-pandemija. Dan filwaqt li l-ogħla livelli ta’ tħassib jinsab fost l-anzjani.

Iċ-ċifri ġenerali juru li apparti t-53% b’livell għoli ta’ tħassib, hemm 41% bi tħassib ta’ livell medju u 5.5% biss b’livell baxx ta’ tħassib.

Intant, l-istess stħarriġ juri li huma ħafna dawk li anke jekk jiftaħ l-ajruport mhux ser ikunu qed isiefru.

L-indikazzjonijiet huma li jekk r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar jitneħħew, kważi tliet kwarti tan-nies mhux lesti joħorġu barra l-pajjiż ghal perijodu ta’ sena.

73% indikaw probabbiltà baxxa li jivvjaġġaw fit-12-il xahar li ġejjin u kienu biss 13% li qalu li hemm probabbiltà kbira li jivvjaġġaw.

L-ajruport se jibqa’ żgur magħluq sal-15 ta’ Gunju, b’sorsi differenti juru li lejn l-aħħar tax-xahar li ġej hemm probabbilta’ li jirritornaw it-titjiriet.