Coronavirus Lokali

Każ ieħor pożittiv – 3 oħra mfejqa

L-ammont ta’ każi attivi għall-Coronavirus huwa ta’ 128, dan wara li l-Ħadd ġie rreġistrat każ wieħed ġdid ta’ Coronavirus. Fl-aħħar sigħat l-ammont ta’ persuni li fiequ huwa ta’ 3.

B’hekk ifisser li fi tmiem il-ġimgħa u fil-bidu tat-tnax-il ġimgħa ta’ din l-imxija fostna kellna 10 każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’Malta filwaqt li ġew imfejqa 7 persuni.

Id-dettalji ta’ dawn l-10 każijiet ġodda li żviluppaw fl-aħħar sigħat għadhom mhux magħrufa, hekk kif fil-weekend mhux qed issir konferenza mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, għalhekk… sa issa…  mhux magħrufa l-etajiet jew il-kundizzjonijiet tal-persuni li rriżultaw pożittivi.

Mhux magħruf lanqas jekk fost il-każi hemmx persuni li jaħdmu fil-qasam tas-Saħħa, hekk kif fl-aħħar ġimgħat rajna xejriet ġodda ta’ każijiet li żviluppaw fuq ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur.

Ma nafux lanqas x’inhu bħalissa “l-R Factor” f’pajjiżna – jiġifieri r-rata kif il-virus qed jinxtered. Madankollu, waqt l-edizzjoni tal-Ħamis tal-programm NET Live, il-Virologu Chris Barbara ta indikazzjoni li l-R Factor kien ta’ 1.3.

Il-Ġimgħa li għaddiet kien l-ewwel jum li fih setgħu jiftħu numru ta’ ristoranti, barbiera, hairdressers u stabbilimenti oħra tas-sbuħija, bis-Sibt titħabbar data tal-ftuħ tal-ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li kienet se tkun id-9 ta’ Ġunju, li iżda mbagħad mumenti wara din id-data ġiet estiża għall-15 ta’ Ġunju.

Fid-dawl ta’ dawn l-aħbarjiet, l-appelli mill-awtoritajiet tas-saħħa baqgħu biex wieħed iżomm id-distanza soċjali, u biex il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ kawt, bil-Professur Charmaine Gauci ttenni li pajjiżna għadu fi stat ta’ emerġenza medika.