Il-pulizija fir-reġjun semi-awtonomu ta’ Hong Kong sparaw il-gass tad-dmugħ u kanuni tal-ilma lejn dimostranti li ħarġu jipprotestaw kontra l-pjani taċ-Ċina biex timponi liġi tas-sigurtà ġdida fuq it-territorju semi-awtonomu. Spiċċaw arrestati għexieren ta’ dimostranti fost l-eluf li mmarċjaw mid-distretti ċentrali ta’ Hong Kong, fost it-tixjir ta’ bnadar u għajjat ta’ slogans kontra l-Gvern.
Fi żviluppi oħra, 200 politiku ewlieni minn madwar id-dinja ħarġu stqarrija konġunta biex jikkritikaw il-pjan taċ-Ċina għal Hong Kong. Il-politiċi fissru l-pjan bħala ‘attakk komprensiv fuq l-awtonomija, l-awtorità tal-liġi u l-libertajiet fundamentali’ tat-territorju, li kien eks-kolonja tar-Renju Unit sal-1997.
Dan meta l-Partit Komunista li jmexxi liċ-Ċina qed jaħseb biex jgħaddi liġi li, fost oħrajn, tipprojbixxi ‘atti ta’ tradiment u li jistgħu jnaqqru mill-influwenza ta’ Beijing ( għal Hong Kong)’.
Fl-istess ħin, iċ-Ċina qed tiċħad li l-leġislazzjoni kontroversjali li se tressaq se taffettwa ħażin lill-investituri barranin f’Hong Kong, li hu ċentru finanzjarju mill-aktar importanti. Intant, stqarrija speċifika minn Beijing ikkritikat bl-aħrax ‘lill-pajjiżi li qed jippruvaw jindaħlu fl-affarijiet taċ-Ċina’.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong Carrie Lam, li hi parti mill-establishment politiku favur Beijing, wiegħdet appoġġ sħiħ għal-liġi proposta u qalet li l-kunċett tal-libertà relattiv għal Hong Kong mhux se jgħaddi mill-bidliet drastiċi.
Intant, id-dimostrazzjonijiet fiċ-ċentru ta’ Hong Kong saru minkejja t-twissijiet tal-awtoritajiet biex ma jsirux il-laqgħat għall-massa fil-pubbliku.
Ingħad li l-ħsieb wara d-direttiva kien biex l-awtoritajiet jinfurzaw is-social distancing. Dan waqt li d-dimostranti f’Hong Kong, fl-aħħar sigħat, garaw l-oġġetti lejn il-pulizija filwaqt li waqqfu l-barrikati fit-toroq bħala aktar ġesti ta’ sfida.
L-aħħar protesti kienu simili għad-dimostrazzjonijiet tas-sena l-oħra kontra l-Gvern ta’ Hong Kong u li l-parti kbira tagħhom kienu karatterizzati bi vjolenza.
//= $special ?>