Lokali

L-ACE tappella lill-Gvern biex jirregola l-kera kummerċjali għall-istabbilimenti tal-ikel

Il-biċċa l-kbira tal-proprjetarji qed ikomplu jitolbu l-kirjiet bħallikieku ma hemm l-ebda kriżi.

Jekk il-kera ma tkunx regolata, l-isforzi tal-Gvern u s-sagrifiċċji kemm tan-negozju kif ukoll tal-impjegati ma jkomplux isostnu l-livelli ta’ impjieg qabel il-pandemija.

Ir-ristoranti ilhom jirrappurtaw dħul ekwivalenti għal 10% tal-livelli preċedenti, li bihom jinsabu ‘l bogħod milli jassorbu u wisq inqas isostnu l-kirjiet tax-xenarju “bħas-soltu”.

Il-kera tista’ tkun il-kawża ewlenija ta’ falliment għal ristoranti jekk ma tkunx regolata. L-isforzi kollha li jsiru mir-ristoranti biex iżidu l-likwidità tagħhom u jikkontrollaw il-komponenti tal-ispejjeż aktar varjabbli tal-operazzjonijiet tagħhom se jkunu għalxejn jekk jibqgħu jiġu ċċarġjati rati ta’ renti li ma tneħħewx .

Xi sidien irreżistew li jirreaġixxu b’mod naturali għas-sitwazzjoni kummerċjali li qed tiġi osservata. L-Assoċjazzjoni tal-Istabbiliment tal-Catering issa temmen li wasal iż-żmien li l-Gvern jieħu azzjoni.

Fix-xhur reċenti, l-ACE kienet talbet lill-Gvern biex jikkunsidra li joffri eżenzjonijiet mit-taxxa lil sidien li jnaqqsu l-kera kummerċjali tagħhom b’50%, madankollu dan għadu mhux imħabbar bħala miżura li l-Gvern inkluda fil-pakketti ta’ għajnuna tiegħu.

L-inċentivi tat-taxxa m’għadhomx biżżejjed biex jsalvaw din is-sitwazzjoni. Ir-rati tal-kiri għandhom jiġu rregolati skont il-granularità tad-daqs u l-post tal-operazzjoni, bil-prezz kull metru kwadru fis-sena jkun stabbilit. Dawn il-parametri fil-passat ġew definiti għal finijiet ta’ taxxa fuq id-dħul, u jindikaw li -informazzjoni meħtieġa stabbilita biex tagħmel din il-bidla regolatorja tista’ tkun diġà disponibbli.