Il-proċess tal-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija bħalissa jinsab quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, hekk kif din il-ġimgħa poġġew għall-ewwel żewġ testijiet; il-Psychometric Test u l-Extended Test. Dan sabiex fil-jiem li ġejjin issirilhom l-intervista mill-membri tal-istess Kumitat.
NET News kien staqsa lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku biex tagħti l-lista uffiċjali ta’ dawk li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom, iżda din it-talba ġiet irrifjutata.
Minkejja dan, il-Ħadd bosta ġurnali ppubblikaw il-lista mhux uffiċjali tal-14-il applikant li tefgħu isimihom. Dawn huma:
- Ray Zammit,
- l-avukat Mary Muscat, illi hi eks Spettur,
- l-avukat Herman Mula, li ukoll huwa spettur irtirat,
- l-Investigatur fit-Taqsima tal-Immigrazzjoni, Frankie Sammut
- l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo
- l-eks President tal-Police Officers’ Union, Sandro Camilleri
- l-Ispettur tad-Distrett tal-Ħamrun, Robert Vella
- il-Kap Eżekuttiv tal-Korp, Angelo Gafà
- l-Ispettur tad-Distrett Tas-Sliema, Jonathan Ransley
- l-Eks Uffiċjal, Emanuel Camilleri
- l-Ispettur tal-Vice Squad, Joseph Busuttil
- l-eks Kaptan tal-Forzi Armati Reuben Lanfranco
- il-bankier, Leo Busuttil
- u l-eks Assistent Kummissarju, Mario Tonna.
L-applikazzjoni ta’ Mario Tonna wasslet b’sorpiża għal bosta uffiċjali fil-Korp wara li kien irriżenja peress li kien allegat li wettaq reati ta’ vjolenza domestika, iżda l-każ kien twaqqa’ wara li s-sieħba tiegħu rrifjutat li tixhed.
Kienu bosta l-Pulizija li kkummentaw dwar il-fatt kif dan il-proċess jaf jiddiġenera f’farsa sħiħa, b’ufficjali donnhom qed ifajjru akkużi, mhux bilfors fondati, lejn iż-żewġ kandidati li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku taf tressaq għall-kunsiderazzjoni tal-Prim Ministru.
Waqt li għaddej dan il-process, is-Sibt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għamel stqarrija diretta rigward il-Kummissarju l-ġdid:
“Jeħtieġ jintagħżel Kummissarju li ma jħarisx lejn uċuh”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, meta kien intervistat fuq NET Television is-Sibt filgħodu
Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur ikkritika l-mudell li għażel il-Gvern u tenna li l-ħatra kellha ssir bil-mudell taż-żewġ terzi tal-Parlament – mudell li kien qabel mieghu anke d-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, waqt it-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista.
//= $special ?>