Coronavirus Ekonomija Lokali

Ninvestu fil-bżulija u l-għaqal tal-Maltin biex nibnu l-ekonomija ta’ għada

"Se nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies u nuruhom li qegħdin hemmhekk biex inservuhom u ngħinuhom" - Adrian Delia

“Il-pandemija qed tħalli impatt fuq l-ekonomija dinjija għas-snin li ġejjin u aħna rridu nkunu ppreparati bid-direzzjoni fejn irridu mmorru u naraw liema huma s-setturi innovattivi li ninvestu fihom. Ninvestu fil-bżulija tal-Maltin u l-Għawdxin u fl-għaqal tagħhom biex flimkien noħolqu l-ekonomija tal-futur.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET Television.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni ltaqgħet mas-setturi kollha tas-soċjeta’ fejn semgħet id-diffikultajiet li għaddejjin minnhom f’dawn iż-żminijiet, l-isidi biex jibqgħu joperaw u biex flimkien nimxu ‘l quddiem wara l-pandemija. Huwa qal li irridu nsalvaw lil min hu dgħajjef permezz t’għajnuna diretta u nsostnuhom kemm lil min iħaddem u l-ħaddiema fi żmien meta min iħaddem qed jagħem sagrifiċċji kbar biex ma jkeċċix il-ħaddiema. Dan għaliex kull persuna li titlef xogħolha hija imporanti u hija nuqqas ta’ responsabbilta’ kbira min-naħa tal-Ministru għall-Finanzi li jgħid li jittama li n-negozji rekknu biex issa jonfquhom flok jara kif se jgħinhom finanzjarjament biex jagħmlu t-tibdiliet meħtieġa biex jibqgħu joperaw u meta l-Ministru għall-Ekonomija ma jafx kemm hawn nies li tilfu xogħolhom bl-imxija tal-COVID-19. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni qamet għall-okkażjoni u ressqet ‘il quddiem il-Pjan għal Malta bbażat fuq 10 pilastri bi pjan biex noħorġu minn dan iż-żmien diffiċli fejn nużaw dan il-iż-żmien għat-trasformazzjoni biex inkunu ppreparati għar-realtajiet ta’ għada u niġbdu ħabel wieħed għall-aqwa ġid ta’ pajjiżna.

Adrian Delia qal li dan iż-żmien qiegħed juri iżjed biċ-ċar kif il-mudell ekonomiku tal-Gvern li jibni l-ekonomija fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u l-konsum kien wieħed ħażin u mhux sostenibbli. Huwa qal li rridu nippjanaw id-destin ekonomiku tagħna mil-lum u l-Gvern irid ikun għaqli fin-negozjati tal-fondi Ewropej u fejn se ninvestu dawn il-fondi sabiex nattrezzaw lin-negozji tagħna u ngħinuhom fir-ristrutturar u fl-izvilupp tagħhom għall-ekonomija ta’ għada. Dan meta n-negozju t’għada se jkun differenti u rridu nkunu hemmhekk fuq quddiemnett fid-dinja moderna.

Il-Kap tal-PN qal li iżda l-Gvern mhux qed jibgħat sinjal li l-affarijiet se jsiru b’mod differenti meta bagħat il-proposti tiegħu għar-riforma Kostituzzjonali lill-Kummissjoni Venezja mingħajr diskussjoni u mingħajr ma nforma lil ħadd lanqas lill-President li qed imexxi d-diskussjonijiet. Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista jrid li jibqa’ jaħtaf ix-xandir pubbliku u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna biex iċ-ċittadini jibqa’ jħossu żgħir biex jikkontrolla lin-nies. Il-Partit Nazzjonalisa jrid Kummissarju tal-Pulizija li ma jħares lejn wiċċ ħadd bla biża’ u bla favur għax il-poplu jixraqlu Kummissarju li meta jonqos il-kbir u l-politiku ma jkunx hemm preferenzi jew ħbiberiji imma jipproċedi kontra kulħadd. Huwa staqsa kif Konrad Mizzi baqa’ ma ġiex investigat meta seraq lill-poplu ferm iżjed mir-reati krimali kollha li saru f’dawn l-aħħar seba’ snin u llum lanqas biss qiegħed f’Malta biex iwieġeb, kif Nexia BT għadhom joperaw meta kienu wara l-ikbar skandli f’pajjiżna bħall-Panama Papers u jingħataw iktar kuntratti mill-Gvern u liċenzja biex joperaw fil-cryptocurrency. 


Adrian Delia qal li bil-kontra tal-Gvern, l-Oppożizzjoni ltaqgħet mas-soċjeta’ ċivili biex magħhom tiddiskuti l-proposti tagħna għar-riforma Kostituzzjonali. Dan meta l-kostituzzjoni hija t-tarka taċ-ċittadini kontra l-Gvern stess, fejn irridu li l-poter jitqassam b’mod ġust u biex ma nerġgħu ngħaddu miż-żmien li għaddejna minnu fejn min jitkellem jinqatel u fejn l-Avukat Ġenerali flok jiġġieled għall-aqwa interess tal-poplu jiddefendi lill-barranin li ħadulna l-isptarijiet. Huwa qal li meta Robert Abela jsejjaħ lura lil Joseph Muscat, l-iktar politiku korrott fid-dinja ma tistax tibni mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u dan fi żmien meta ma nistgħux nfallu l-eżami tal-Moneyval, għax jekk pajjiżna jiġi blacklisted jintilfu l-investimenti u l-postijiet tax-xogħol. Adrian Delia qal li f’dan il-mument, pajjiżna jrid jaħdem bħala pajjiż wieħed fejn niġu lkoll flimkien u b’politika progressiva u bi ħsieb, u bil-proposti tagħna se nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies u nuruhom li qegħdin hemmhekk biex inservuhom u ngħinuhom.