Futbol Sport

Tripletta għal Timo Werner f’rebħa faċli għal Leipzig

(Ritratt: EPA)

Leipzig reġgħu telgħu fit-tielet post tal-klassifika b’rebħa faċli fuq Mainz bl-iskor ta’ 5-0. TIMO WERNER fetaħ l-iskor wara 11-il minuta meta kompla għal ġewwa minn kross mil-lemin. L-iskor sar 2-0 fit-23 minuta b’daqqa ta’ ras tal-iżmarkat YUSSUF POULSEN biex MARCEL SABITZER kompla d-dominju ta’ Leipzig b’xutt għar-rokna ta’ fuq tax-xibka fis-36 minuta.

Il-festa ta’ Leipzig kompliet fit-48 minuta b’TIMO WERNER jiskorja minn qagħda ideali wara azzjoni ta’ Kevin Kampl. It-tim ta’ Julian Nagelsmann issiġilla r-rebħa fit-78 minuta b’TIMO WERNER jgħaqqad it-tripletta wara li qabbeż fuq Florian Mueller.

Schalke sofrew it-tieni telfa konsekuttiva kemm ilu li tkompla l-kampjonat b’telfa f’darhom ta’ 3-0 kontra Augsburg. EDUARD LÖWEN fetaħ l-iskor bi free-kick dirett wara sitt minuti. NOAH-JOEL SARENREN-BAZEE irdoppja l-vantaġġ b’azzjoni personali fis-76 minuta b’SERGIO CORDOVA jżid ieħor lejn it-tmiem wara żball difensiv.

Cologne evitaw telfa lejn it-tmiem u spiċċaw 2-2 kontra Fortuna Düsseldorf. KENAN KARAMAN poġġa lil Fortuna Düsseldorf fil-41 minuta b’xutt li kien imxellef. Wara li Mark Uth falla penalty fid-59 minuta, ERIK THOMMY irdoppja b’xutt fil-baxx. ANTHONY MODESTE naqqas id-distakk fit-88 minuta b’daqqa ta’ ras, b’JHON CORDOBA jġib id-draw fil-91 minuta.