25 TA’ MEJJU 2005
Liverpool wettqu rimonta inkredibbli biex saru Champions tal-Ewropa għall-ħames darba fl-istorja. F’waħda mill-finali se tibqa’ fost l-aktar popolari fl-istorja tal-UEFA Champions League, għelbu lil Milan bl-għoti tal-penalties wara li rkupraw żvantaġġ ta’ tliet gowls.
Milan fetħu l-iskor wara biss 53 sekonda u kien proprju l-captain PAOLO MALDINI li minn free-kick ta’ Andrea Pirlo, kompla għal ġewwa b’xutt mill-ewwel. It-tim ta’ Carlo Ancelotti rdoppja fid-39 minuta b’kontrattakk li minnu Kakà fetaħ lejn Andriy Shevchenko li tefa’ kross fil-baxx, b’HERNAN CRESPO jkompli l-ballun għal ġewwa. Il-vantaġġ kiber għal tliet gowls fl-44 minuta b’passaġġ perfett ta’ Kakà lejn HERNAN CRESPO li minn qagħda ideali qabbeż il-ballun fuq Pepe Reina. Sa dak il-ħin, kollox deher faċli għal Milan u ftit ħasbu x’seta’ jiġri fit-tieni taqsima.
Il-manager ta’ Liverpool Rafa Benitez daħħal li Dietmar Hamann u bidel is-sistema tattika. Fl-54 minuta naqqsu d-distakk bi free-kick ta’ John Arne Riise jsib lil STEVEN GERRARD li skorja b’daqqa ta’ ras preċiża għar-rokna. Żewġ minuti wara, VLADIMIR SMICER daħħal lil Liverpool fil-logħba b’xutt fil-baxx u minn barra l-kaxxa. Mas-siegħa logħob, Liverpool ingħataw penalty għal fawl fuq Gerrard fil-kaxxa. Inkariga ruħu XABI ALONSO li kellu l-penalty salvat parzjalment minn Dida iżda l-istess plejer skorja mir-rebound.
Il-logħba nbidlet kompletament fi ftit ħin, iżda l-ebda tim ma skorja sad-90 minuta u lanqas fil-ħin barrani biex il-logħba kellha tkun deċiża bil-penalties. Serginho xeħet għoli għal Milan u Dietmar Hamann skorja għal Liverpool. Ix-xutt ta’ Andrea Pirlo ġie salvat minn Dudek u Dybril Cisse skorja għal Liverpool. Jon Dahl Tomasson skorja għal Milan u l-penalty ta’ Cisse kien salvat minn Dida. Kakà ġab id-draw għal Milan iżda Vladimir Smicer ħalla lil Liverpool gowl vantaġġ. Kien imiss lil Andriy Shevchenko, b’Jerzy Dudek isalva l-penalty biex rebbaħ lil Liverpool. Wara l-partita, il-President tal-UEFA Lennart Johansson ippreżenta t-trofew lill-captain Steven Gerrard.
//= $special ?>