25 TA’ MEJJU 1993
Bħal-lum 27 sena ilu, saret iċ-Ċerimonja Uffiċjali tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li għall-ewwel darba saru f’pajjiżna. Il-ħames edizzjoni bdiet f’ċerimonja mill-isbaħ quddiem eluf ta’ Maltin li mlew fl-Istadium Nazzjonali.
Wara d-daqq tal-Innu Malti, l-ispettaklu fetaħ b’titjira minn erba’ ħelikopters tal-Forzi Armati bi bnadar tal-pajjiżi parteċipanti. Waqt iċ-ċerimonja, mijiet ta’ tfal libsu b’kuluri li jirrappreżentaw il-ħames kontinenti u kien madwar tfajjel ċkejken li ħareġ minn ġo rummiena f’nofs il-grawnd. It-tfal imbagħad iffurmaw il-ħames ċrieki simbolu tal-Olimpjadi, il-kelma Malta u fl-aħħar il-kelma MERĦBA.
Imbagħad kien imiss lill-atleti li jsellmu lil dawk preżenti, bl-aktar applaws imur kif mistenni għall-atleti Maltin. Carol Cassar Torreggiani ġarret il-bandiera Maltija. Wara ttellgħet il-bandiera Olimpika u saru diskorsi mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti l-Maġistrat Gino Camilleri, il-Ministru responsabbli mill-Isport Michael Frendo u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Juan Antonio Samaranch. Il-President ta’ Malta Ċensu Tabone ddikjara l-ħames edizzjoni tal-Logħob miftuħa.
Id-dħul tat-Torċa Olimpika kien milqugħ b’applaws kbir. Il-plejer tat-tim nazzjonali tal-futbol Carmel Busuttil kompla l-aħħar parti tal-ġirja. Fost l-entużjażmu ta’ dawk preżenti, inxtegħlet l-Urna Olimpika. Fl-aħħar, Laurie Pace u Gerald Degaetano f’isem l-atleti u Anthony Micallef f’isem l-uffiċjali qraw il-ġurament ta’ lealtà. Il-kantanti Moira Stafrace u Mike Spiteri għalqu s-serata bil-kanzunetta “Getting Together” li kienet id-diska uffiċjali tal-edizzjoni.
//= $special ?>