25 TA’ MEJJU 1975
Valletta rnexxielhom jirbħu l-FA Trophy għall-ewwel darba wara 11-il sena b’rebħa ta’ 1-0 kontra Hibernians f’logħba missielta li ntlagħbet fl-Istadium tal-Gżira. Din kienet l-ewwel darba li Valletta għelbu lil Hibernians waqt finali tal-FA Trophy hekk kif inċidentalment, id-darbtejn li l-Pawlisti kienu rebħu l-kompetizzjoni, kienu għamlu dan id-darbtejn kontra l-Beltin.
Hibernians resqu viċin il-gowl tal-vantaġġ fl-34 minuta. Minn korner ta’ Alfred Mallia, għola tajjeb Sunny Gouder u b’daqqa ta’ ras kien jiskorja kieku Ċensu Gauci ma waqqafx fuq il-linja il-ballun milli jidħol fix-xibka. Żewġ minuti wara fuq in-naħa l-oħra, il-veteran Freddie Mizzi blokka mill-viċin ix-xutt ta’ Charles Agius.
Il-gowl li fired liż-żewġ timijiet wasal fil-51 minuta. Carlo Seychell avvanza fuq ix-xellug, daħal fil-kaxxa u xxuttja fil-lasta. Il-gowlkiper Mizzi ħareġ biex jimblokka, salva parzjalment ix-xutt u ħabat ma’ Norman Buttigieg, li kien qed irażżan lil Norman Darmanin Demajo, bil-ballun jispiċċa fix-xibka.
Hibernians żiedu l-pressjoni fl-aħħar minuti u sitt minuti mit-tmiem, Frans Mallia ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-wieqfa. Minuta wara, Gouder reġa’ mar viċin id-draw iżda għal darba oħra Ċensu Gauci tajjar il-ballun minn fuq il-linja. Il-preżentazzjoni tat-trofew ma kinitx faċli li ssir minħabba l-invażjoni solita tal-partitarji Beltin. Il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Valletta Eddie Vella.
//= $special ?>