Lokali

AĠĠORNATA: Żagħżugħ fil-periklu li jitlef ħajtu wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari

Żagħżugħ ta’ 33 sena qed jissielet għal ħajtu wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari f’residenza f’Ħal Luqa.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li fir-residenza – li tinsab fi Triq il-Parroċċa – kien qed isir xi xogħol.

Madankollu, għall-ħabta tal-10am, għal xi raġuni ż-żagħżugħ waqa’ mill-għoli f’żona oħra tar-residenza, li għadu kif xtara u qed jirranġa.

Minbarra l-Pulizija, fil-post wasal ukoll tim mediku b’Ambulanza, biż-żagħżugħ ittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Hemm, hu kien iċċertifikat li qed issofri minn feriti serji u li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Astrid May Grima, li ħatret diversi esperti biex jassistuha bl-Inkjesta, filwaqt li aktar investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija mid-Distrett.