Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Każ wieħed ġdid; 120 attivi

“Persuna minn 100 li ma jkollhiex sintomi u tagħmel it-test qed toħroġ pożittiva” – Prof. Charmaine Gauci

Wara li fi tmiem il-ġimgħa ġew irrapportati 10 każi ġodda li ttestjaw pożittiv għall-Covid-19, illum ġie mħabbar persuna oħra pożittiva, għaldaqstant it-total ta’ testijiet pożittivi iżda żiedu għal 611, 120 każ attiv.

Fost dawn il-ħdax kien hemm 4 li kienu asintomatiċi – fosthom żewġ healthcare workers.

Fi tmiem il-ġimgħa fiequ 16-il persuna – fejn illum ġew imħabbra 9 oħra mfejqa u għaldaqstant sissa fiequ 485 persuna.

4 każijiet minnhom kienu kuntatti ta’ każijiet diġà magħrufa mal-awtoritajiet tas-saħħa fosthom; ħaddiema fl-Isptar Karin Grech, u residenti fl-istess sptar ta’ 36 sena.

3 oħra kellhom is-sintomi iżda ma jafux mnejn ġew infettati fosthom; ħaddiema fi spiżerija.

Il-Professur Charmaine Gauci spjegat li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi fil-jiem li ġejjin jistgħu jiftħu ċ-childcare centres u SkolaSajf. Hija saħqet li jrid jinstab l-aħjar mod kif jistgħu jiftħu bl-inqas riskju.

Hija spjegat li 1 minn kull 100 tal-persuni li jwettqu t-test u ma jkollhomx sintomi qed joħorġu pożittivi għaldaqstant is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika sostniet li l-virus għadu magħna u jitlaq biss ġaladarba jkollna vaċċin effettiv.

Profs Gauci saħqet li preżentament l-R-Factor jinsab madwar il-1 madanakollu ma preċiżatx kemm jinsab bl-eżatt.

Meta mistoqsija dwar il-ftuħ tal-ajruport is-Suprintendent saħqet li preżentament għaddejjin diskussjonijiet dwar din id-deċiżjoni.

Meta mistoqsija minn NET NEWS, il-Professur Charmaine Gauci saħqet li fi tmiem il-ġimgħa dejjem ikun hemm inqas persuni li jmorru jagħmlu t-testijiet l-għaliex nhar ta’ Ħadd ikunu jridu jistriehu u jgawdu l-jum.

Madanakollu falliet milli tgħid jekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa hux ser ikunu qed jippubblikaw ir-Risk Assessments minkejja li kemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli saħqu li m’għandhom l-ebda problema sabiex dan isir.