Lokali

“Il-familji qed jibqgħu jħallsu t-taxxa tal-korruzzjoni li ma jridx jiġġieled Robert Abela” – PN

Hekk kif għal darb’oħra ħareġ rapport ieħor, din id-darba mill-Kummissjoni Ewropea, li jerġa’ jikkundanna lill-Gvern Laburista talli ma għamel u mhu qed jagħmel xejn biex jiġġieled il-pjaga tal-ħasil tal-flus li rrovinat r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u qed thedded eluf kbar ta’ impjiegi, l-Oppożizzjoni ssejjah lil Robert Abela biex jassumi r-responsabbilità politika għal dan l-isfreġju li huwa qed jagħmel fuqna lkoll.
 
Dan saħquh id-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Beppe Fenech Adami, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità u Karol Aquilina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku. Huma saħqu li ftit jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea reġgħet ikkritikat u ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern Malti għan-nuqqasijiet kbar tiegħu biex jinvestiga u jressaq l-Qorti każijiet ta’ ħasil ta’ flus waqt li tatu ħasla oħra għas-sistema dgħajfa ta’ ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
 
Għall-Oppożizzjoni huwa ċar li Robert Abela, ma għandu ebda rieda biex tassew jiġġieled il-korruzzjoni li hija taxxa fuq kull familja Maltija u Għawdxija. Hekk kif illum qrajna li l-prezz li aħna qed inħallsu għax-xiri tal-gass mill-kuntratt korrott tal-Electrogas huwa seba’ darbiet ogħla mill-medja Ewropea, u allura prova kemm il-familji Maltin qed jinsterqu kuljum, l-Oppożizzjoni ssaqsi domanda sempliċi iżda kruċjali lil Robert Abela:
 
Meta sejra l-Pulizija tieħu l-passi kriminali kollha li hemm bżonn jittieħdu kontra kull min kien responsabbli, inkluż fil-livell politiku? Huwa ċar li l-patt imxajtan kien Robert Abela li għamlu.
 
Għamlu biex jgħin lil Konrad Mizzi u l-klikka korrotta tiegħu jinħbew mill-Ġustizzja. Biex issa huma l-ħaddiema tal-ħaddiema bieżla Maltin u Għawdxin li qed iħallsu minn buthom għall-korruzzjoni ta’ dan il-patt imxajtan waqt li r-reputazzjoni ta’ Malta tkompli tindifen darba għal dejjem.