Il-Fondazzjoni HSBC Malta qed tappoġġja l-Isfida Fotografika STEM (Science, Technology, Engineering and Mathematics) u The Hunt: Kids’ Virtual Science Quest, żewġ inizjattivi organizzati miċ-Ċentru Xjentifiku fi ħdan id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar (DLAP). Iż-żewġ inizjattivi jinkuraġġixxu l-impenn tal-istudenti u l-ġenituri tagħhom f’attivitajiet relatati max-xjenza.
L-Isfida Fotografika STEM hi mmirata lejn l-istudenti kollha tad-9 Sena, l-10 Sena u l-11-il Sena. Studenti li jixtiequ jieħdu sehem għandhom jieħdu u jissottomettu ritratt oriġinali relatat ma’ waħda (jew aktar) mit-temi li ġejjin dwar is-suġġett: Bioloġija – Metaboliżmu; Kimika – Reazzjonijiet Kimiċi; Informatika – Kodifikar; Disinn u Teknoloġija – Materjali Reżistenti; Matematika – Sekwenzi; u Fiżika – Riflessjoni.
Kull persuna li tapplika tista’ tissottometti biss ritratt WIEĦED għal kull suġġett. Ir-ritratti sottomessi se jkunu ġġudikati minn bord professjonali skont il-kriterji li ġejjin: interpretazzjoni u espressjoni tat-tema; oriġinalità u innovazzjoni; appell viżiv u impressjoni ġenerali jew impatt.
Persuna rebbieħa waħda għal kull suġġett jew tema, imħabbra sal-aħħar ta’ Ġunju permezz tal-Paġna Facebook DLAP (https://www.facebook.com/DLAP-Link-109192847389084/), tirċievi vawċer ta’ €100.
The Hunt tinvolvi studenti tat-3 u r-4 Sena (Kategorija 1) u tal-5 u s-6 Sena (Kategorija 2), f’tfittxija virtwali għal teżor li tippromwovi soluzzjonijiet għal problemi u l-ħsieb kritiku. Il-premjijiet jinkludu kitts xjentifiċi sponsorjati mill-Fondazzjoni HSBC Malta.
Caroline Buhagiar Klass, Kap tar-Riżorsi Umani u s-Sostenibbiltà Korporattiva tal-HSBC Malta, qalet: “Nemmnu li inizjattivi, bħall-Isfida Fotografika STEM u The Hunt: Kids’ Virtual Science Quest, huma modi eċċellenti kif l-istudenti żgħar fl-età jimpenjaw ruħhom b’mod kreattiv u innovattiv. Permezz ta’ varjetà wiesgħa ta’ inizjattivi, il-Fondazzjoni HSBC Malta tkompli tappoġġja lill-komunità madwar Malta u Għawdex matul dawn iż-żminijiet ta’ sfida.”
Qabel ir-reġistrazzjoni, dawk interessati li jieħdu sehem fl-Isfida Fotografika STEM huma mitlubin jaqraw sew il-linji gwida billi jsegwuhom fil-link: http://www.sciencecentrepembroke.com/stem-photo-competition/. Id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet hi t-Tnejn 15 ta’ Ġunju fin-12.30pm. Kwalunkwe mistoqsijiet jew kjarifiki jistgħu jintbgħatu lis-Sur Stephen Bezzina fuq stephen.bezzina@ilearn.edu.mt.
Intant, għal The Hunt: Kids’ Virtual Science Quest, studenti u l-ġenituri tagħhom huma mħeġġin jingħaqdu f’ din l-attività divertenti u edukattiva skedata għall-Erbgħa 3 ta’ Ġunju 2020 fl-10.00am billi jaċċessaw l-app onlajn Actionbound, għal Android jew iOS fuq kwalunkwe mezz elettroniku smart. Aktar tagħrif jista’ jkun aċċessat permezz tal-Paġna Facebook DLAP.
//= $special ?>