Matul il-lejl li għadda, il-karozza tal-ġurnalist Dione Borg ingħatat in-nar.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:20pm tal-Ħadd fi Triq Dun Mikiel Xerri, f’Ħ’Attard.
Mal-ewwel issejħet l-għajnuna tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien, filwaqt li kien hemm karozza oħra viċin li ġarrbet xi ħsarat.
F’kumment li Dione Borg għadda fuq Facebook hu qal illi ra filmati minn kameras tas-sigurtà illi fihom tidher persuna li qabbditlu l-karozza, u wara ħarbet mill-post bi scooter tal-elettriku.
Fost id-diversi messaġġi kien hemm ukoll dak tat-tim ta’ Valletta FC li kkundannaw bla ebda riservi dan l-aġir u saħqu li jittamaw li ssir ġustizzja ma’ Dione Borg.
Borg hu wkoll Segretarju Ġenerali ta’ Floriana FC, u persuna attiva ferm fil-Partit Nazzjonalista.