Illum b’mod virtwali se ssir il-laqgħa importanti tal-Kunsill tal-MFA. Din il-laqgħa mistennija tkun fost l-aktar jaħarqu fl-aħħar snin hekk kif se jkunu deċiżi l-verdetti tal-kampjonati organizzati mill-MFA flimkien mal-kampjonati tal-GFA.
Id-deċiżjonijiet se jittieħdu biex jiddeterminaw jekk hux se jkun hemm rebbieħa tal-kampjonati, promozzjonijiet u relegazzjonijiet ta’ diversi kampjonati. Il-laqgħa se tibda fl-4.30pm u mhux eskluż għal diversi sigħat hekk kif se jkun hemm diversi argumenti mill-membri tal-Kunsill. Ġimgħa ilu, il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA ddeċieda b’mod unanimu li l-Kampjonat Premier u l-FA Trophy ma setgħux jitkomplew minħabba n-nuqqas ta’ approvazzjoni mill-awtoritajiet tas-Saħħa, kawża tal-Covid-19. Lejn l-aħħar ta’ April, kien ġie deċiżi li l-kampjonati l-oħra ma setgħux jitkomplew.
Intant ilbieraħ, il-klabbs kollha u l-assoċjazzjonijiet membri li għandhom il-vot, irċevew komunikat mill-MFA dwar kif se jsiru t-tliet domandi differenti li se jkunu qed jiddeċiedu l-verdetti. L-ewwel domanda se tkun marbuta dwar jekk it-timijiet relegati matematikament ikunux relegati jew minkejja r-riżultati, ma jkun hemm l-ebda relegazzjoni minn kull kampjonat.
It-tieni domanda se tkun marbuta dwar jekk il-klabbs li jinsabu fl-ewwel post tal-kampjonati organizzati mill-MFA ikunu ddikjarati rebbieħa jew le. It-tielet domanda hi jekk tkunx ratifikata dak li ġie deċiża mill-klabbs Għawdxin, jiġifieri jekk Nadur Youngsters u Sannat Lions ikunux deċiżi bħala rebbieħa tal-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni rispettivament, filwaqt li ħadd ma jiġi relegat mill-Ewwel Diviżjoni u jiġu promossi l-ewwel żewġ timijiet mit-Tieni Diviżjoni. Il-votazzjoni se ssir b’mod sigriet, bl-MFA saħansitra lbieraħ ippruvat is-sistema li xtrat apposta għal din il-laqgħa, biex kull membru tal-Kunsill ikun jaf kif juża s-sistema.
B’kollox se jkun hemm 80 vot għad-dispożizzjoni. Dawn jikkonsistu f’rappreżentant mit-53 klabb li jiffurmaw l-erba’ diviżjonijiet. Imbagħad hemm 23 vot li ġejjin mill-Assoċjazzjonijiet Membri. Dawn jirrappreżentaw lil Beach Soccer Malta, District Football Leagues, Employees Sports Association, Futsal Malta Association, Gozo Football Association, Gozo Youth FA, Industries Sports Association, Inter Amateur Soccer Competition, Malta Amateur Football Association, Malta Masters Football, Youth Football Association u l-Malta Football Referees Association. L-Uffiċjali tal-MFA għandhom erba’ voti iżda mistennija jastjenu.
Sa issa hu magħruf li Floriana se jilagħbu fil-UEFA Champions League, Valletta, Hibernians u Sirens se jilagħbu fil-UEFA Europa League, Birkirkara se jikkompetu fil-UEFA Champions League tan-nisa u Luxol Futsal se jilagħbu fil-UEFA Futsal Champions League. Il-linji gwida tal-UEFA huma li jekk kompetizzjoni domestika ma tkunx tista’ titkompla għal raġunijiet leġittimi, il-UEFA tkun trid l-ismijiet tat-timijiet li se jilagħbu fil-kompetizzjonijiet tagħha fuq il-mertu sportiv għal dan l-istaġun.
//= $special ?>