Sport Waterpolo

Imut l-eks referee tal-waterpolo Victor Cachia

Tħabbret il-mewt ta’ Victor Cachia, eks plejer u referee tal-waterpolo li miet fl-età ta’ 82 sena. Hu kien persuna popolari fil-familja tal-waterpolo lokali u anki fiċ-ċrieki tal-waterpolo internazzjonali. Wara karriera ta’ plejer ma’ Neptunes, hu beda l-karriera ta’ referee fl-1968. Sentejn wara ġie promoss għal referee tal-ogħla livell fil-kompetizzjonijiet domestiċi u beda jikkontrolla l-partiti tal-Ewwel Diviżjoni.

Cachia kien ġie promoss għall-Kategorija A fil-lista tal-LEN. Fost l-aktar partiti memorabbli li kkontrolla, hu kien referee tal-kwarti tal-finali tal-Kampjonat Ewropew bejn ir-Rumanija u l-Unjoni Sovjetika. Ir-rabta ta’ Victor Cachia ma’ Neptunes ilha għal żmien twil anki minħabba l-familja tiegħu. Ħuh Josie hu wieħed mill-ixjaħ membri tal-klabb u t-tfal tiegħu Anthony u Edward kienu wkoll eks plejers tal-klabb. Kondoljanzi lill-familja kollha. Victor Cachia kien ukoll mistieden residenti fil-programm Man Up+ fuq Net Television.