L-Għaqda Repubblika appellat lill-Pulizija sabiex tibda l-proċedura tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-konfront tal-eks Ministru Konrad Mizzi.
Fi stqarrija, Repubblika qalet li wara li tħalla jitlaq minn Malta mingħajr qatt ma nġiegħel iwieġeb għall-evidenza ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, Konrad Mizzi issa jidher li qed jevita l-ġustizzja billi mar joqgħod fir-Renju Unit.
Konrad Mizzi kien irreżenja minn ministru tal-Gvern ftit wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech f’Novembru tas-sena li għaddiet. Repubblika ssostni li dan seħħ għax meta kien ċar li l-pulizija kellha biżżejjed biex takkuża lil Yorgen Fenech li qatel lil Daphne Caruana Galizia, sar ċar għal kulħadd li r-rappurtaġġ ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ The Daphne Project dwar ir-relazzjoni bejn Yorgen Fenech u Konrad Mizzi kien korrett.
Repubblika fakkret li Konrad Mizzi fetaħ soċjetà sigrieta fil-Panama permezz ta’ Nexia BT f’Malta u Mossack Fonseca fil-Panama. Nexia BT informat lil Mossack Fonseca li l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi kienet se tirċievi ħlasijiet li jammontaw għal mijiet t’eluf minn, fost oħrajn, kumpanija f’Dubai jisimha 17 Black li iktar tard ġie stabbilit li hi ta’ Yorgen Fenech.
Konrad Mizzi ikkuntratta x-xiri tal-enerġija mingħand l-Electrogas, konsorzju mmexxi minn Yorgen Fenech.
Repubblika ttenni li m’hemm ebda ġustifikazzjoni għat-tkaxkir tas-saqajn u qed tissuspetta li hemm xi forma t’arranġament bejn Konrad Mizzi u min qed jipproteġih biex l-arrest tiegħu jiġu pospost għal wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u possibbilment ma jibqax jiffunzjona hemm il-Mandat t’Arrest Ewropew.
L-istqarrija ttemm li Konrad Mizzi, bħal fuq kollox Keith Schembri, ilu jevita l-ġustizzja mill-bidu tal-2016 meta l-ewwel smajna li għamel kumpanija fil-Panama. “Jekk il-gvern veru jrid isewwi r-reputazzjoni ta’ Malta għandu juri li mhux qed jiggarantixxi impunità għal Konrad Mizzi, għal Keith Schembri u oħrajn bħal Joseph Muscat li għad iridu jagħtu kont t’egħmilhom,” ittemm Repubblika.
//= $special ?>