“Ma jistax ikun li ibni jibqa’ jgħix f’dan l-istat”.
Il-qalb muġugħa ta’ omm li ma tiflaħx tara lil binha jinżamm f’sala fi stat dilapidat fl-isptar Monte Carmeli.
Omm li tkellmet ma’ Netnew.com.mt b’kundizzjoni ta’ anonimità qaltilna li tinqasmilha qalba kull darba li qed tmur iżżur lil binha.
L-istess omm qalet li binha qiegħed f’sala żgħira li fiha hemm ħafna sodod,ħafna iktar milli suppost hem, b’distanza ta’ pied bejn sodda u oħra. Xi ħaġa li hi ta inkwiet fl-aħjar żminijiet,u aktar w aktar fiż-żminijet li qed ngħixu fihom illum, fejn suppost qed inżommu d-distanzi bejn xulxin.
Il-mara qaltilna li minbarra l-fatt li s-sodod huma mrassin ma xulxin, il-pazjenti m’għandhom assolutament l-ebda tip ta’ privatezza.
Minbarra hekk, fis-sala m’hemm l-ebda tip ta’ faċilità sanitarja, la sink, u lanqas toilet, bl-eqreb kamra tal-banju qegħda f’distanza sew mis-sala, u trid isservi għal madwar 30 pazjent.
L-istat tal-kmamar hu wieħed medjevali, b’sodod li jfakkruk fi żmien il-gwerra u bil-madum qed jinqala.
Din l-omm qalet li fis-sala hemm diversi pazjenti li huma vulnerabbli.
Net News jinsab infurmat li din is-sala kellha tingħalaq, iżda, minħabba l-pandemija, baqgħet miftuħa.
Intant, il manifesti elettorali tal-Partit Laburista tal-2013 u tal-2017 kienu jwegħdu investimenti kbar fil-qasam tas-saħħa mentali,u f’Marzu tal-2015, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar sptar ġdid għas-saħħa mentali fi Smart City. Sptar li sa issa għadu wegħda, bħal ma għadu wegħda l-isptar għall-istess qasam li tkellem dwaru l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sentejn ilu.
//= $special ?>