Lokali

Malta qed tħallas 7 darbiet aktar għall-gass

Il-ftehim tal-Gvern Laburista mal-kumpanija tal-Ażerbajġan Socar ifisser li pajjiżna qed ikollu jħallas kważi seba’ darbiet aktar mill-prezz internazzjonali medju fl-Ewropa u fid-dinja għall-gass – prezz li fuq livell internazzjonali qed ikompli jinżel fl-aktar livelli baxxi kawża tal-pandemija tal-Coronavirus.

Il-ftehim mas-Socar kien sar mill-Gvern immexxi minn Joseph Muscat – illum Konsulent tal-Prim Ministru Robert Abela – fl-2015, u kien żvelat minn The Daphne Project tliet snin wara.

Skont l-istess ftehim, il-Gvern ikkommetta li jħallas prezz ta’ €9.40, jew 11-il dollaru u 50 ċenteżmu, għal kull unit ta’ gass, bil-prezz jibqa’ fiss għal seba’ snin sa April 2022.

Skont l-Aġenzija Bluegold Research, il-prezz medju tal-gass LNG fl-Ewropa bħalissa hu ta’ $1.67, filwaqt li l-prezz medju fid-dinja kollha hu ta’ $1.81. Għaldaqstant, il-prezz li pajjiżna qed ikollu jħallas kawża tal-ftehim iffirmat mill-Gvern Laburista – $11.50 – ifisser prezz kważi seba’ darbiet ogħla milli suppost iħallas.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jappella diversi xhur lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jagħmel tajjeb għall-prezz ogħla li qed ikollu jħallas il-poplu. Apparti l-PN, għadd ta’ korpi kostitwiti u organizzazzjonijiet li jgħinu lil min hu fil-bżonn tennew is-sejħa tagħhom li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija qed tħalli piż kbir fuq il-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

U waqt li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li, f’nofs din il-kriżi kawża tal-pandemija tal-Covid-19, il-prezzijiet tad-dawl u l-ilma għandhom jonqsu bin-nofs, kif ukoll li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jitraħħsu bi 30ċ, l-eks Ministru Konrad Mizzi – li ffirma l-kuntratt mas-Socar – ilu għal xhur sħaħ barra l-pajjiż.