Coronavirus Lokali

Qrati iżjed effiċjenti għalik u mingħajr periklu għas-saħħa bil-proposta tal-Oppożizzjoni għal seduti virtwali

L-iprem prinċipju fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja huwa li meta l-ġustizzja ddum ma ssir allura l-ġustizzja tkun qed tiġi mċaħħda lil min talabha jew ħaqqu. L-Oppożizzjoni temmen li l-Qrati, iktar minn bini fiżiku, huma servizz essenzjali fejn isseħħ il-ġustizzja li l-Gvern għandu l-obbligu li jara li tkun amministrata b’mod xieraq, effiċjenti, ġust u aċċessibbli. Hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Beppe Fenech Adami u Ivan J Bartolo.

Jason Azzopardi qal li l-Oppożizzjoni ma tistax taċċetta li eluf ta’ familji u negozji qed jibqgħu imċaħħdin mill-ġustizzja minħabba n-nuqqas ta’ ħeġġa tal-Gvern. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tifhem li l-bini tal-Qorti kellu jingħalaq f’Marzu li għadda minħabba l-pandemija, u allura kellhom jieqfu s-seduti kollha tal-kawżi kriminali, ċivili, kummerċjali, Kostituzzjonali fost oħrajn, ma tistax taċċetta li l-Gvern jibqa’ ċass quddiem din is-sitwazzjoni li issa bdiet issir gravi. Huwa qal li l-Oppożizzjoni tinnota li fl-aħħar tliet xhur għexieren ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja kollha, speċjalment fl-Ewropa u l-Istati Uniti nedew jew saħħew sistemi ta’ smigħ ta’ kawżi onlajn (remote courts), iżda f’pajjiżna dan għadu ma seħħx.

Jason Azzopardi qal li l-Oppożizzjoni qed tagħti sostenn u appoġġ l-proposti tal-Kamra tal-Avukati biex il-Qrati jibdew iżommu seduti virtwali u ddikjarat pubblikament li lesta tiltaqa’ anke llum stess mal-Gvern biex flimkien mal-Kamra tal-Avukati u l-istakeholders l-oħra kollha jiġu abbozzati sa għada l-emendi li hemm bżonn isiru għal-liġi sabiex dawn is-seduti jkunu jistgħu jibdew jinżammu minnufih u jitfasslu protokolli ta’ azzjoni immedjata. Bħala eżempju ta’ kawżi li jistgħu jibdew isiru onlajn hemm kawżi li jinsabu mħollija sempliċiment biex isiru s-sottomissjonijiet finali tal-avukati qabel is-sentenza, seduti biex sempliċiment jingħataw id-data tal-ewwel seduta wara li nfetħu, seduti fejn irid jingħata digriet mill-Qorti, u fejn iridu jingħataw is-sentenza u dawk is-seduti li jinżammu biss għall-qari ta’ sentenzi u smigħ ta’ rikorsi ta’ mandati ta’ inibizzjoni jew revoka ta’ mandati fejn ma jkunx hemm bżonn ix-xiehda tax-xhieda.

Beppe Fenech Adami esprima t-tħassib tiegħu kif għal diversi ġimgħat ġew differiti l-kawżi kollha tad-distretti kif ukoll seduti li jitrattaw każijiet dwar kwistjonijiet familjari bħalma huma każijiet ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment għal persuni dipendenti inkluż minuri, każijiet ta’ nuqqas ta’ aċċess għal minuri u tant każijiet oħrajn. Il-Partit Nazzjonalista jifhem ukoll li dawn is-seduti kellhom għal perjodu qasir jiġu diferiti għaliex huma seduti li jinvolvu għexieren ta’ nies, però l-PN jinnota li din is-sitwazzjoni qed toħloq inkwiet u tensjoni f’diversi familji u għandha tiġi indirizzata wkoll. Il-PN jibqa’ dispost li jpoġġi mal-Gvern u l-istakeholders kollha sabiex b’mod proattiv din il-problema tiġi riżolta b’metodi ġodda kif dawn is-seduti jistgħu jsiru.

Ivan J Bartolo wera kif madwar id-dinja l-Qrati tal-Ġustizzja inkorporaw sistemi ġodda ta’ trasformazzjoni diġitali biex in-negozju f’dawk il-pajjiżi baqa’ għaddej. Huwa qal li l-PN jemmen bis-sħiħ li l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tgħin mill-viċin il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Ivan J Bartolo tkellem dwar kmamar ta’ qrati virtwali, u ta eżempji kif it-teknoloġija tista’ tintuża għal sistema ta’ appuntamenti ta’ seduti li tkun disponibbli fuq telefon ċellulari u kemm hu bżonnjuż li l-każijiet ġodda fil-Qrati tagħna jkollhom id-dokumenti sottomessi f’format diġitali u servizzi ta’ scan on demand.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Soċjetà Diġitali Ivan J Bartolo.