Lokali

Rapporti dwar “aġenti sigrieti” li telqu minn Malta lejn il-Libja

Grupp ta’ esperti jgħid illi ġew fornuti armi militari lill-armata ta’ Haftar

“Minn Malta telqu aġenti sigrieti lejn il-Libja sabiex jappoġġjaw lill-ġeneral Haftar”.

Dan ġie żvelat minn grupp ta’ esperti fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti   li tkellmu mal-aġenzija tal-aħbarijiet Ġermaniża, Deutsche Presse-Agentur, fejn ingħad li mal-għoxrin aġent sigriet telqu mill-Awstralja, Franza, l-Afrika t’Isfel, l-Istati Uniti, r-Renju Unit u proprju pajjiżna fuq missjoni magħrufa aħjar bħala Opus bil-għan li jiġu mgħejuna l-militanti tal-Ġeneral Khalifa Haftar.

Huma saħqu li dawn l-aġenti sigrieti telqu lejn il-Libja mill-Amman, fil-Ġordan madwar sena ilu sabiex iwettqu studju ġeografiċi fiż-żona Libjana, madanakollu l-esperti allegaw li din ma kienet xejn ħlief messa in scena,  gidba biex taħbi l-mottiv reali wara dan il-vjaġġ. L-esperti spjegaw li l-għan tagħhom kien sabiex jgħinu fl-operazzjonijiet militari.

Huma allegaw li l-għan ewlieni tagħhom kien li jwaqqfu l-bastimenti Torok li jkunu qed jittrasportaw armi għall-armata fi Tripli. Dan filwaqt li fost oħrajn mill-Afrika t’Isfel ġew trasportati 6 ħelikopters lejn il-Libja għall-militanti ta’ Haftar u mill-Gżejjer Maltin waslu wkoll żewġ dinghies militari armati sa snienhom b’fost oħrajn ‘machine gun awtomatiku’ u sussegwentament ingħataw lil armata ta’ Haftar.