Ftit tal-ħin ilu, bdiet il-Laqgħa tal-Kunsill tal-MFA li se tkun qed tagħti l-verdetti tal-kampjonati tal-MFA flimkien mal-kampjonati tal-GFA. Din hi l-ewwel laqgħa tal-Kunsill fl-istorja li qed issir b’mod virtwali. Id-deċiżjonijiet se jittieħdu biex jiddeterminaw jekk hux se jkun hemm rebbieħa tal-kampjonati, promozzjonijiet u relegazzjonijiet ta’ diversi kampjonati.
Il-laqgħa mhux eskluż li ddum għal diversi sigħat hekk kif se jkun hemm diversi argumenti mill-membri tal-Kunsill. Ġimgħa ilu, il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA ddeċieda b’mod unanimu li l-Kampjonat Premier u l-FA Trophy ma setgħux jitkomplew minħabba n-nuqqas ta’ approvazzjoni mill-awtoritajiet tas-Saħħa, kawża tal-Covid-19. Lejn l-aħħar ta’ April, kien ġie deċiż li l-kampjonati l-oħra ma setgħux jitkomplew.
5.20pm – Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo ta kronoloġija tal-vjaġġ kalċistiku waqt dawn iż-żminijiet. Fosthom semma meta bħala assoċjazzjoni ltaqgħu għall-ewwel darba mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci kif ukoll meta ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar meta ġie deċiż li l-kampjonati ma setgħux jitkomplew.
5.40pm – Bjorn Vassallo qara ittra li rċieva mill-UEFA wara li l-istess MFA kienet bagħtet komunikat lilhom minħabba d-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar ġimgħat. Il-UEFA kkonfermat li ż-żmien implimentat mill-Bureau u l-Eżekuttiv tal-MFA kien korrett u rrikonoxxa li l-Kunsill tal-MFA biex jasal għad-deċiżjoni finali. Is-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti qara ittra mibgħuta minn Valletta hekk kif talbu li jkun hemm persuna ta’ fiduċja tagħhom waqt il-proċess tal-voti.
6.10pm – Il-Council Member ta’ Hibernians Jesmond Abela tkellem dwar il-proposta li teżisti li jkun relegat l-uniku tim matematikament mill-Kampjonat Premier. Abela hu tal-opinjoni li minħabba li fid-diviżjonijiet l-oħra hemm ċans li ma jkunx hemm relegazzjonijiet, Tarxien ma għandhomx ikunu relegati biex il-Kampjonat Premier ma jkollux 15-il tim l-istaġun li ġej. Dan minħabba li b’din is-sitwazzjoni jkun hemm tim li kull ġimgħa ma jkollux logħob. Dan il-ħsieb kellu l-appoġġ ta’ Ian Micallef f’isem Gżira United u Michael Cutajar ta’ St. George’s.
6.45pm – Tarxien Rainbows se jżommu posthom fil-Kampjonat Premier minkejja li matematikament kienu relegati. Dan wara vot li ttieħed mill-membri tal-Kunsill. Minn 74 vot, 24% ivvutaw li t-Tarxiniżi jkunu relegati, 61% ivvutaw li Tarxien Rainbows jibqgħu fil-Kampjonat Premier, 8% astjenew u s-7% l-oħra ma kellhomx tweġiba. L-uffiċjali tal-MFA Matthew Paris, Adrian Casha, Ludovico Micallef u Ivan Mizzi astjenew fuq il-voti kollha.
7.00pm – Is-Segretarju ta’ Floriana Dione Borg talab lill-President tal-MFA biex jittraduċi l-ittra mibgħuta mill-UEFA fejn tgħid li Floriana jkunu trattati ta’ rebbieħa tal-kampjonat. Borg qal li b’dan ir-raġunament, il-UEFA tat direzzjoni ċara u saħansitra qal li m’hemmx għażla ħlief li Floriana jkunu ddikjarati rebbieħa tal-kampjonat.
7.03pm – Is-Segretarju ta’ Gżira United Ian Micallef ma jaqbilx mar-raġunament ta’ Borg u kkwota r-regola numru sebgħa tal-istatut tal-MFA fejn jgħid li l-kampjonati jridu jintlagħbu fuq żewġ rawnds.
7.10pm – Michael Cutajar f’isem St. George’s qal li l-interpretazzjoni li ta Dione Borg ma kinitx korretta għaliex qal li l-UEFA fl-ittra tagħha ma tatx indikazzjoni li Floriana għandhom ikunu ddikjarati champions. Paul Spiteri qal li Dione Borg qed iqarraq u stieden lill-President tal-MFA biex jgħid il-veduti tiegħu.
7.25pm – Paul Spiteri qal li jekk ġie deċiż li ħadd ma jkun relegat fin-naħa ta’ isfel, ma jistax jintrebaħ kampjonat fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Hu qal li jekk dan iseħħ jinħoloq preċedent ikrah. Ċaħad ukoll il-fatt li l-kwistjoni ma għandiex x’taqsam ma’ Floriana iżda hu punt ta’ prinċipju.
7.45pm – Keith Perry qal li hemm bżonn regolamenti ċari biex dan li seħħ ma jerġax jiġri. Hu qal li s-sitwazzjoni hi ġusta u mhux ġusta għal kulħadd u sostna li għalih l-isporting merit ma tantx jagħmel sens f’perjodu fejn kulħadd jinsab viċin xulxin.
Bjorn Vassallo qal li fl-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv bdiet tiġi diskussa biex ikun hemm regolamenti ċari li jaħsbu għal din is-sitwazzjoni. Jesmond Abela qal li d-deċiżjonijiet li se jittieħdu llum ma jorbtux biex jittieħdu deċiżjonijiet fil-futur. Hu qal li dak li se jiġi deċiż illum, se jkun deċiż illum biss.
Stefan Vella f’isem Fgura United staqsa jekk ikunx ġust li t-timijiet li kisbu promozzjoni għandhomx ikunu mċaħħda. Hu semma li diġà ttieħdet deċiżjoni li min kien relegat matematikament mhux se jkun relegat.
7.50pm – Tqum diskussjoni wkoll dwar il-kampjonat ta’ Sezzjoni A ta’ taħt id-19-il sena hekk kif Balzan u Mosta jinsabu t-tnejn fil-quċċata tal-klassifika. Twieldet l-idea li jkunu ddikjarati t-tnejn rebbieħa tal-kampjonati.
8.00pm – Hekk kif fil-mumenti li ġejjin se jkun qed jittieħed il-vot dwar jekk il-kampjonati hux se jintrebħu jew le sa issa kien hemm xi verdetti. Tarxien Rainbows se jibqgħu fil-Kampjonat Premier fl-istaġun li ġej minkejja li ġew matematikament relegati. Żejtun Corinthians u Lija Athletic ġew promossi għall-Kampjonat Premier li l-istaġun li ġej se jkun b’16-il tim. Marsa, San Ġwann u Marsaxlokk ġew promossi għall-Ewwel Diviżjoni li s-sena d-dieħla se jkun bi 15-il tim.
8.20pm – It-timijiet kollha li spiċċaw l-ewwel fil-klassifika wara li ma setgħux jitkomplew minħabba l-pandemija tal-Covid-19 ġew iddikjarati rebbieħa b’vot mill-Kunsill tal-MFA. 63% ivvutaw Iva, 24% ivvutaw Le, 8% astjenew u 5% ma kellhomx risposta. Dan ifisser li fosthom Floriana ġew iddikjarati champions għas-26 darba wara nuqqas ta’ 27 sena.
8.40pm – Nadur Youngsters ġew iddikjarati champions tal-Ewwel Diviżjoni f’Għawdex filwaqt li Sannat Lions huma ċ-champions tat-Tieni Diviżjoni. Il-vot għadda b’76% favur, 6% ivvutaw le, 11% astjenew filwaqt li 7% ma vvutawx.
//= $special ?>