Futbol Sport

21 SENA ILU: Man United idawru telfa f’rebħa b’mod drammatiku u jirbħu l-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

26 TA’ MEJJU 1999

Manchester United kisbu rebħa drammatika ta’ 2-1 kontra Bayern Munich f’waħda mill-finali li tibqa’ tissemma fl-istorja tal-kompetizzjoni għal mod kif spiċċat. Quddiem stadium ippakjat fil-Camp Nou f’Barcelona, Manchester United reġgħu saru Champions tal-Ewropa wara nuqqas ta’ 31 sena.

L-eroj għat-tim ta’ Sir Alex Ferguson żgur kienu s-sostituti Teddy Sheringham u Ole Gunnar Solskjaer. Bayern Munich fetħu l-iskor wara biss ħames minuti wara free-kick ta’ MARIO BASLER ħalla lil Peter Schmeichel iħares. Bayern Munich laqtu l-lasta permezz ta’ Carsten Jancker u anki lejn it-tmiem permezz tas-sostitut Mehmet Scholl.

Meta kollox deher li se jirbħu t-titlu Ewropew, Manchester United ġabu d-draw. Korner insidjuż ta’ David Beckham għadda qalb diversi plejers, b’TEDDY SHERINGHAM jikseb id-draw. B’dan il-gowl il-logħba dehret destinata li tkompla fil-ħin barrani iżda 40 sekonda minn korner ieħor ta’ Beckham, Teddy Sheringham kompla l-ballun lejn OLE GUNNAR SOLSKJAER li mattar siequ u skorja l-gowl tar-rebħa. B’dan is-suċċess, ir-Red Devils kisbu treble storiku.