Futbol Sport

35 SENA ILU: Rabat Champions, Żurrieq salvi u Floriana relegati f’wieħed mill-aktar kampjonati missielta

26 TA’ MEJJU 1985

Id-data tas-26 ta’ Mejju ta’ 35 sena ilu tibqa’ dati mnaqqxa f’qalb ir-Rabtin hekk kif saru champions ta’ Malta għall-ewwel darba. Fl-aħħar logħba tal-kampjonat, Rabat kisbu l-punt li kellhom bżonn bi draw ta’ 0-0 kontra Sliema Wanderers. It-tim kien immexxi mill-eks plejer tagħhom fis-snin 50, Joe Cilia. Għalih dan kien it-tieni kampjonat konsekuttiv wara dak mirbuħ minn Valletta fl-istaġun ta’ qabel.

L-attendenza probabbilment kienet l-akbar waħda f’dak l-istaġun. Sliema kienu għadhom biċ-ċans li jirbħu l-kampjonat biex jisfurzaw decider kontra Rabat u Ħamrun Spartans, li kienu spettaturi interessati. Il-logħba kienet deskritta bi ftit azzjonijiet iżda dawk li kienu preżenti ma ddejqux isegwu l-logħba. Wara l-logħba, il-captain ta’ Rabat Ajax Emmanuel Cortis ġie ppreżentaw bit-trofew Coca Cola.

Jekk Rabat riedu punt, Żurrieq riedu draw ukoll biex isalvaw posthom. Hekk għamlu, fi draw ukoll ta’ 0-0 kontra Ħamrun Spartans. Il-ferħ tagħhom kien evidenti meta r-referee Charles Scerri saffar tmiem il-partita.

Iżda jekk Żurrieq kienu kuntenti bir-riżultat, mhux l-istess jista’ jingħad għal Floriana li b’dak ir-riżultat sfaw relegati għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. Fost l-okkażjonijiet li kellhom Ħamrun, Joe Zarb mar viċin fil-bidu b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra. Ma’ tmiem il-logħba, il-partitarji ta’ Żurrieq kellhom invażjoni paċifika b’Deanov u Adelmo Paris fost l-oħrajn jispiċċaw fuq l-idejn.

Fil-klassifika finali, Rabat spiċċaw bi 17-il punt, punt aktar minn Ħamrun Spartans u żewġ punti aktar minn Sliema Wanderers. Valletta, Hibernians u Żurrieq spiċċaw b’14-il punt, Floriana temmew bi 13-il punt u Żurrieq spiċċaw b’punt biss. Dak iż-żmien kienu jingħataw żewġ punti għal rebħa, b’kull tim ma lagħbx partita lejn nofs l-istaġun.