Il-kampanja globali għall-ġbir ta’ fondi għall-iżvilupp ta’ vaċċin u terapiji għal kontra l-Covid-19 iġġenerat ‘il fuq minn 9.5 biljun ewro — bit-tragward qed jitqies bħala ferm inkoraġġanti.
Dan tħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li qalet li l-impenn qed juri kemm id-dinja qed turi solidarjetà mal-kampanja biex trażżan l-effetti tal-pandemija.
L-appell – li kien imniedi mill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni fix-xahar – hu intiż biex in-nies madwar id-dinja jkollhom aċċess għal vaċċin u trattament li jistgħu jaffordjaw fost il-ġlieda kontra l-Covid-19.
Meta l-inizjattiva kienet introdotta – waqt summit organizzat online mill-UE – kienu impenjati aktar minn 7 biljun ewro minn 40 pajjiż u donatur.
Sadanittant, l-Istati Uniti u r-Russja ma ħadux sehem fl-inizjattiva.
Madankollu, iċ-Ċina – il-pajjiż fejn il-virus oriġina lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet – kienet irrappreżentata, waqt is-summit ta’ Mejju, mill-ambaxxatur tagħha għall-UE.
Sadanittant illum kien l-aħħar ċans għaċ-ċittadini ta’ Wuhan – il-belt Ċiniża fejn feġġ il-Covid-19 – biex jgħaddu mit-testijiet li jindikaw inċidenzi tal-marda. Dan kellu jsir bħala parti minn spinta ambizzjuża ta’ għaxart ijiem biex ikunu testjati r-residenti kollha ta’ din il-belt.
Fl-agħar żmenijiet tal-epidemija kien hemm ‘il fuq minn 50,000 każ ikkonfermat tal-Covid-19 f’Wuhan. Sadanittant, il-Kummissjoni tas-Saħħa f’din il-belt Ċiniża trid taċċerta li l-inħawi ma jintlaqtux minn tieni mewġa ta’ infezzjonijiet u għaldaqstant qed tagħmel li tista’ biex tidentifika lill-persuni infettati li mhumiex juru sintomi.
Mijiet ta’ nies ġew identifikati diġà, bil-Kummissjoni tas-Saħħa ( provinċjali) ta’ Hubei issostni li aktar minn 330 persuna ‘infettati u asintomatiċi’ madwar il-provinċja jinsabu taħt osservazzjoni medika. Dan meta fl-aħħar sigħat kienu qed ikunu identifikati aktar residenti infettati u li ma kenux qegħdin juru sinjali tal-marda.
//= $special ?>