Coronavirus Lokali Saħħa

“Atti irresponsabbli li rriskjaw is-sagrifiċċju ta’ nazzjon sħiħ” – Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ tikkundanna ċ-ċelebrazzjonijiet spontanji li seħħew ilbieraħ filgħaxija b’rabta mar-rebħ tal-kampjonat Premier minn Floriana FC. Fi stqarrija l-Kamra qalet li l-imġieba tal-ftit mijiet ta’ nies li nġabru fuq il-Fosos ilbieraħ kienet att irresponsabbli u deplorabbli għall-aħħar.

Dan in-nuqqas ta’ dixxiplina huwa daqqa ta’ ħarta fil-konfront tal-ħaddiema tas-saħħa ta’ pajjiżna li għal dawn l-aħħar xhur ilhom jaħdmu il-ħin kollu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni tal-COVID-19. Daqqa ta’ ħarta għan-nies vulnerabbli li għal diversi ġimgħat ilhom jissagrifikaw il-kwalità tal-ħajja tagħhom… għan-negozji li għalqu l-bibien tagħhom biex jipproteġu l-klijenti tagħhom, u l-kumplament tas-soċjetà responsabbli, li kienet konformi mad-direttivi li ngħataw mill-awtoritajiet.

Fl-istqarrija ntqal li r-riperkussjonijiet ta’ dawn l-atti irresponsabbli huma inkonċepibbli, u jirriskjaw li jarmu xhur sħaħ ta’ sagrifiċċji u tbatijiet ta’ soċjetà sħiħa, minħabba l-negliġenza ta’ ftit.

Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li n-nuqqas ta’ infurzar min-naħa tal-awtoritajiet ippermetta l-irresponsabbiltà tal-ftit biex potenzjalment jipperikola l-kisba u s-sagrifiċċju ta’ bosta.