Il-Mexxejja ta’ Hong Kong, Carrie Lam, qalet li l-pajjiżi ‘ma għandhomx dritt’ li jindaħlu fi kwistjonijiet relatati għal dan it-territorju semi-awtonomu taċ-Ċina. Dan waqt li Lam, alleata tal-Gvern komunista f’Beijing, iddefendiet bil-qawwi il-liġi kontroversjali li qed tħejji ċ-Ċina dwar ‘is-sigurtà f’Hong Kong’.
Il-liġi li qed tippjana ċ-Ċina għandha tipprojbixxi ‘atti ta’ tradiment u aġir li jmur kontra l-influwenza ta’ Beijing’ f’Hong Kong. Intant, il-kritiċi, fosthom politiċi minn diversi pajjiżi, qed jikkundannaw liċ-Ċina dwar ‘l-introduzzjoni ta’ sistema li tillimita l-kunċett tal-libertà għal Hong Kong’.
Carrie Lam qed tiċħad li l-liġi trażżan id-drittijiet tar-residenti f’Hong Kong. Hi, fl-istess ħin, qalet li l-pjan għandu jitqies bħala ‘pass responsabbli għall-protezzjoni tal-maġġoranza ( tar-residenti f’Hong Kong) li jirrispettaw il-liġi’.
Id-drittijiet tar-residenti ta’ Hong Kong huma minsuġa fil-Liġi Bażika li sservi bħala l-kostituzzjoni tat-territorju semi-awtonomu. Id-drittijiet ilhom effettivi mindu Hong Kong, fl-1997, spiċċa minn kolonja tar-Renju Unit u għadda taħt il-kontroll taċ-Ċina. Il-Liġi Bażika tiggarantixxi diversi libertajiet f’Hong Kong, fosthom id-dritt għall-protesti li ma jeżistix fi bnadi oħra taċ-Ċina.
Fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu l-eluf tad-dimostranti fit-toroq ta’ Hong Kong biex jipprotestaw kontra l-liġi kontroversjali, bil-pulizija jisparaw il-gass tad-dmugħ fuq in-nies fost xeni simili għall-protesti kbar tas-sena l-oħra fit-territorju.
//= $special ?>