In-numru ta’ infezzjonijiet – fuq skala globali – tal-Covid-19 għadda l-5.5 miljun u li minnhom tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 346,000. L-istatistika ngħatat mill-Johns Hopkins University li jagħmel ir-riċerka privata u li hu bbażat f’Baltiore ( Maryland) fl-Istati Uniti.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sospendiet it-testijiet għall-hydroxychloroquine bħala trattament potenzjali għall-pazjenti morda bil-Covid-19. Dan meta studju partikulari indika li l-mediċina kapaċi tikkaġuna l-problemi tal-qalb fil-pazjenti waqt li żżidilhom is-sogru tal-mewt. Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ippromwova kemm-il darba din il-mediċina u ftaħar li qed jużaha ‘għalih innifsu’.
Fl-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, ingħatat il-konferma li talanqas 100,000 persuna mietu mill-effetti tal-Covid-19 fil-pajjiż partikulari.
Fir-Renju Unit, mietu 134 oħra mill-coronavirus f’perjodu ġdid ta’ 24 siegħa – bit-total tal-vittmi f’dan il-pajjiż jitla’ għal aktar minn 37,000. Dan meta fl-istess perjodu ‘il fuq minn 2,000 oħra testjaw pożittiv għall-virus.
Intant, fl-Irlanda ta’ Fuq ma kienu reġistrati l-ebda imwiet mill-Covid-19 bejn il-ġurnata tat-Tnejn u llum wara nofsinar. Din hi l-ewwel darba mit-18 ta’ Marzu li ċ-ċifri relatati ( ta’ kuljum) dwar il-Covid-19 mill-provinċja Britannika ma żvelawx vittmi ġodda għal perjodu speċifiku ta’ 24 siegħa.
Ir-Russja se torganizza l-parata militari tradizzjonali li tfakkar il-75 anniversarju ta’ Jum ir-Rebħa assoċjata mat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan tħabbar mill-President Russu Vladimir Putin wara li l-avveniment – li kellu jsir fid-9 ta’ Mejju — kien spiċċa pospost minħabba l-infezzjonijiet tal-coronavirus.
Intant, Jum ir-Rebħa għandha ssir f’Moska fl-24 ta’ Ġunju. Dawn il-kommemorazzjonijiet jingħataw importanza kbira mill-eks Stati Sovjetiċi ( b’mod partikulari r-Russja) li flimkien ( bħala l-eks Unjoni Sovjetika) kienu tilfu 26 miljun ruħ matul it-Tieni Gwerra,
Il-Ministeru tas-Saħħa fl-Eġittu ordna biex issir investigazzjoni dwar il-mewt ta’ tabib li marad bil-coronavirus waqt li kien qed jattendi lill-pazjenti. L-investigazzjoni qed issir fuq direttiva personali tal-President Eġizzjan, Abdul Fattah al-Sisi, u meta, f’dan il-pajjiż, żdied l-inkwiet dwar l-ammonti tal- imwiet fost il-ħaddiema tas-saħħa.
Folol ta’ dimostranti fl-Ekwador imlew it-toroq biex jisfidaw ir-restrizzjonijiet li ġew imposti minħabba l-coronavirus. In-nies, intant, esprimew rabja għar-reazzjoni tal-Gvern – minn lat ekonomiku – għall-pandemija attwali.
Il-protesti, li tmexxew mill-unions tax-xogħol u l-organizzazzjonijiet soċjali, saru jiem wara li l-President tal-Ekwador, Lenin Moreno, ħabbar il-miżuri li jinkludu l-għeluq ta’ xi kumpanniji parastatali u qtugħ fis-salarji tal-ħaddiema fis-settur pubbliku.
//= $special ?>