L-Oppożizzjoni tinnota b’dispjaċir u diżappunt l-istqarrija li ħareġ il-Ministru tal-Ġustizzja b’risposta għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni tal-bieraħ fejn offriet il-kontribut tagħha biex is-seduti tal-Qrati jkunu jistgħu jitkomplew b’mod virtwali.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, il-PN qal li l-Ministru għall-Ġustizzja jeħtieġ jifhem li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja m’għandhiex tkun ballun politiku. Irid jifhem li mhux billi jgħid li “matul il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19, minkejja l-għeluq tar-Reġistri tal-Qrati ta’ Malta, l-ġudikanti tħallew liberi li jużaw liema mezzi jħossuhom komdi bihom huma, nklużi dawk virtwali u onlajn, biex ikomplu bil-ħidma limitata tagħhom” meta huwa naqas milli jgħaddi l-emendi għal-liġi li mingħajrhom seduti onlajn ma jistgħux isiru.
Huwa ħażin u ta’ ħsara lill-istess amministrazzjoni tal-ġustizzja li l-Ministru għall-Ġustizzja flok aċċetta t-talba ġenwina tal-Oppożizzjoni biex il-partijiet kollha jiltaqgħu anke lbieraħ filgħaxija stess biex jiġu abbozzati l-emendi li hemm bżonn għal-liġi sabiex ikun possibbli jinżammu seduti onlajn (remote courts), infexx f’attakk partiġġjan jgħajjar lill-Oppożizzjoni insensittiva u l-istqarrija tagħha bħala prematura. Dan wara li ilna minn Marzu bil-Qrati weqfin għax l-istess Ministru naqas milli jagħmel dak li għamlu bosta pajjiżi madwar id-dinja u introduċew is-seduti virtwali biex jipproteġu s-saħħa pubblika fl-istess ħin li ma ċaħdux l-ġustizzja lil min talabha u ħaqqu.
L-Oppożizzjoni tfakkar u ttenni li lbieraħ hija uriet l-appoġġ assolut tagħha għas-suġġerimenti meqjusa tal-Kamra tal-Avukati propju biex is-seduti tal-Qrati jkunu jistgħu jitkomplew b’mod virtwali. L-Oppożizzjoni terġa’ ttenni u tfakkar lill-Ministru għall-Ġustizzja li għandu obbligu morali, politiku u legali li jippermetti lil eluf ta’ familji, negozji u individwi jieħdu l-ġustizzja li ħaqqhom jew li qed jitolbu ġaladarba teżisti t-teknoloġija li tippermetti dan mingħajr periklu għas-saħħa pubblika.
//= $special ?>

