Lokali

Il-Qorti tikkritika r-riforma li saret

"Hemm diversi liġijiet imferrxin u ħadd mhu jifhem kif għandhom jiġu implimentati, jgħidu ħafna fuq il-karta imma meta tigi għall-implimentazzjoni tagħhom hemm nuqqasijiet kbar."

Kien għadu kif beda x-xahar ta’ Marzu, jiġġarraf bini biswit sit ta’ kostruzzjoni fil-Ħamrun, traġedja li taħsad il-ħajja ta’ Miriam Pace.

Dan ma kienx każ iżolat, iżda l-ewwel wieħed minn wara s-suppost riforma tal-Gvern f’dan is-settur u l-ewwel każ li ħalla vittma.

Il-Ministru Ian Borg, li kien responsabbli mir-regolamenti l-ġodda dwar il-kostruzzjoni, kien għażel illi jaħrab milli jwieġeb dwar min se jerfa’ r-responsabbiltà politika.

U hekk kif dan il-kaz qed jinstema’ fil-Qorti fi stadju ta’ kumpilazzjoni, fl-aħħar sigħat komplew joħorġu aktar konfermi li din il-liġi li suppost tħares lil dawk li joqgħodu biswit sit ta’ kostruzzjoni falliet.

Tkellem dwar dan l-Avukat Joe Giglio waqt li kien intervistat fil-programm ‘Magħkom’ fuq Net Television fejn saħaq li l-Maġistrat inkwerenti saħqet li hemm diversi liġijiet imferrxin u ħadd mhu jifhem kif għandhom jiġu implimentati, jgħidu ħafna fuq il-karta imma meta tigi għall-implimentazzjoni tagħhom hemm nuqqasijiet kbar. Dan minkejja l-ħafna pompa min-naħa tal-Gvern meta din ġiet implimentata.

Dawn ir-regolamenti ġodda kienu introduċew numru ta’ rapporti ġodda li għandhom jinkitbu meta hemm sit ta’ kostruzzjoni. Dawn ir-rapporti jiġu ċċekjati mill-Building Regulations Office li jaqa’ taħt il-Building and Construction Authority.

Wara l-mewt ta’ Miriam Pace, il-Ministru Edward Zammit Lewis fuq ix-xandir nazzjonali kien spicca ammetta li l-Gvern falla f’dan is-settur.

Il-Prim Ministru Robert Abela, imbgħad, ħatar Kumitat biex jagħmel riforma tar-riforma li għamel Ian Borg hekk kif din tal-aħħar falliet.

Il-Gvern lanqas biss provda fondi bizzejjed biex isiru spezzjonijiet f’siti ta’ kostruzzjoni ħalli jaċċertaw li m’hemmx riskju fuq dawk li jgħixu viċin.

Il-Partit Nazzjonalista kien ressaq mozzjoni sabiex il-Prim Ministru Robert Abela jibda inkjesta pubblika u indipendenti li fi żmien xahrejn tirrapporta jekk fil-każ li wassal għal mewt ta’ Miriam Pace, l-istituzzjonijiet wettqux dak li kien mistenni minnhom ħalli jipproteġu l-ħajja u l-interessi ta’ terzi, qabel u waqt ix-xogħlijiet tal-kostruzzjonijiet u jekk ittieħdux il-miżuri kollha meħtieġa.