Coronavirus Lokali Saħħa

“In-neputijiet għandhom dritt ikunu man-nanniet”

“Is-sitwazzjoni tal-COVID-19 serviet biex pajjiżna jinduna kemm huwa imprezzabbli s-servizz li jagħtu n-nanniet biex iżommu s-soċjetà tagħna taħdem.”

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa fuq pjattaforma diġitali mal-anzjani u persuni b’abbiltajiet differenti.

Adrian Delia qal li l-għan ta’ dawn il-laqgħat li qed imexxi huwa li l-PN jifhem aħjar l-isfidi li qed jgħaddu minnhom diversi persuni, fosthom l-anzjani u nies b’abbiltajiet differenti.

Il-Kap tal-PN tkellem fuq il-bżonn li issa nħarsu ‘l quddiem u tiġi mfassla strateġija għal wara l-Covid, fejn irid ikun hemm kontribut minn kulħadd sabiex tinħoloq normalità ġdida.

Dawk preżenti għal din il-laqgħa virtwali, tkellmu fuq divers sfidi li jinsabu għaddejjin minnhom f’dan il-perjodu…. fosthom li din kienet esperjenza ta’ tbatija għal kulħadd inkluz għall-ħaddiema li jaħdmu fid-djar tal-anzjani u l-anzjani nfushom li kienu ‘l bogħod mill-familjari tagħhom.  Ħaddiema li jaħdmu mal-anzjani saħqu fuq il-bżonn li għandu jkun hemm prattiċi etiċi fejn jidħlu sitwazzjonijiet delikati.

Ħaġa pożittiva li ħarġet minn din il-kriżi li qed ngħixu fiha, hija li matul din il-pandemija żdiedet l-għaqda fil familja. Sfortunatament f’pajjiżna għandna sitwazzjoni fejn hawn nanniet li ilhom snin twal ma jaraw lin neputijiet tagħhom. Għalhekk qed ikun propost li jsir tibdil fil-liġi fejn in-nanniet ikunu jistgħu jagħmlu rikors fil-Qorti biex jaraw lin-neputijiet tagħhom. Dan għaliex in-neputijiet għandhom id-dritt li jkunu man- nanniet kollha.

Tħassib ieħor kien dwar iż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu ġenituri li għandhom tfal b’abbiltajiet varji. Sitwazzjoni li ħolqot problemi psikoloġiċi kif ukoll fiżiċi hekk kif riedu jaddattaw għal normalità ġdida. Huma appellaw lill-Gvern biex dawn in-nies ma jitwarrbux ……filwaqt li jittieħdu proċeduri li jkunu siguri għal persuni b’diżabbiltà. Dan sabiex id-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu fl-aħajar interess għalihom.

Proposta oħra li kienet diskussa kienet li l-anzjani għandhom ikunu mgħejjuna billi jitħarsilhom il-kont tad-dawl u l-ilma… proposta li qed tiġi imbuttata mill-Partit Nazzjonalista.Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalsita David Agius, u d-Deputati Maria Deguara u Ivan Bartolo.