Hospice Malta tħabbar il-ħatra ta’ Bernadette Bonnici Kind (ritratt) bħala Chairperson ġdida wara Maria Gatt, li kienet fil-kariga għal dawn l-aħħar ħames snin. Il-Kunsill ħatar ukoll lil Kenneth Delia bħala CEO, li qabel kien fil-kariga ta’ General Manager.
Ħatriet oħra fi ħdan il-Kunsill kienu jinkludu lil Oriella De Giovanni bħala Segretarja tal-Kunsill, waqt li Ramon Muscat u Vladimiro Comodini żammew il-karigi tagħhom bħala Viċi-President u Teżorier rispettivament.
Is-Sinjura Bonnici Kind ilha nvoluta ma’ Hospice Malta bħala Membru u Segretarja għall-Kunsill għal dawn l-aħħar sentejn, u ħadmet fuq numru ta’ livelli biex tiżgura s-suċċess kontinwu ta’ Hospice Malta bħala ċ-ċentru tal-kura paljattiva fil-komunità.
Dwar il-ħatra reċenti tagħha, is-Sinjura Bonnici Kind qalet “Inħossni onorata li ġejt maħtura għar-rwol ta’ Chairperson ta’ din l-organizzazzjoni prestiġjuża.
Kif ħafna jafu, għandna proġetti ambizzjużi għall-futur ta’ Hospice Malta inkluż il-proġett ta’ St Michael Hospice, u ninsab ċerta li bid-dedikazzjoni tat-tim tal-Hospice, il- volontiera ġenerużi tagħna, u l-fidi fil-Providenza t’Alla biex jipprovdi dak kollu li għandna bżonn, nilħqu l-għanijiet tagħna għall-pazjenti kollha, fil-preżent u l-futur.”
Il-Kunsill tal-Amministraturi rringrazzja lil Maria Gatt għall-kontribut tagħha matul is-snin li għaddew, filwaqt li s-Sinjura Gatt awgurat wkoll lis-Sinjura Bonnici Kind għall-irwol ġdid tagħha.
Kenneth Delia nħatar ukoll għar-rwol ġdid ta’ CEO hekk kif l-organizzazzjoni qed tkompli tikber. B’tim ta’ 40 impjegat u mitejn voluntier, is-Sur Delia u t-tim maniġerjali tiegħu se jkomplu jmexxu lil Hospice Malta sabiex tilħaq l-għanijiet ambizzjużi li ġew stabbiliti għas-snin li ġejjin.
“Illum Hospice Malta tipprovdi kura palljattiva lil aktar minn 1,300 familja f’Malta u Għawdex. Aħna nimmiraw li nkomplu ntejbu is-servizzi tagħna, filwaqt li naħdmu mill-qrib mal-komunità u l-pubbliku li dejjem jappoġġjawna f’kull pass li jmiss.”
Matul is-snin li għaddew, Hospice Malta nediet numru ta’ inizjattivi biex tespandi s-servizzi tagħha, bl-aktar proġett reċenti ta’ St Michael Hospice, kumpless ġdid ghall-kura paljattiva f’Santa Venera, li bħalissa qed jinbena.
Il-propjetà, inkluż il-bini eżistenti u l-ġonna, jkopru total ta’ 11,000 metru kwadru, li fihom ser ikun hemm is-sevizzi kollha ta’ matul il-jum (Day Therapy Services), servizzi ġodda ta’ in-patient, ġonna, l-uffiċini li minnhom jingħataw is-servizzi fil-komunita’, dipartiment tal-edukazzjoni, kif ukoll spazju għall-apparat li jissellef minn Hospice Malta.
Imwaqqfa fl-1989, l-irwol ewlieni ta’ Hospice Malta huwa li jipprovdi u jippromwovi servizzi ta’ kura paljattiva lil pazjenti li jbatu mill-kanċer, motor neuron disease, mard tal-qalb, respiratorju, tal-kliewi u tal-fwied. Hospice Malta hija NGO reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Għal aktar informazzjoni żur www.hospicemalta.org.
//= $special ?>