Lokali Parlament

L-Għolja li gvern Laburista ħoloq f’Wied Fulija se jġibha muntanja

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel referenza għax-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni tal-miżbla ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq u kif dan ix-xogħol qiegħed iġib ir-rabja kemm tar-residenti taż-Żurrieq, residenti oħra tal-irħula tal-madwar kif wkoll tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.

Dan għall-fatt li biex tiġi rijabilitata din l-ex miżbla ta’ Wied Fulija, qed jintefa ammont kbir ta’ materjal tal-franka b’ riżultat li dan l-ex wied, minn għolja se jispiċċa muntanja ta’ materjal.

F’dan ir-rigward, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina fi Frar li għadda kien għamel interpellanza fil-parlament lill-Ministru Aaron Farrugia, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar. Ir-risposta tal-ministru kienet li x-xogħol kien qiegħed isir skond il-permess approvati tal-Awtorità tal-Ippjanar u kien qed isir biex jistabilizzaw l-għoljiet tal-miżbla.

Skont il-Ministru Farrugia stess, il-Gvern mhux talli kien jaf anzi approva li l-għoli tal-miżbla ta’ Wied Fulija jogħla b’mod allarmanti. Toni Bezzina appella lill- gvern biex jikkunsidra il-pożizzjoni tiegħu fil-konfront ta’ din il-miżbla li l-Gvern Laburista tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet kien bidel dan il-wied mill-isbaħ f’għolja u llum se jġibu muntanja.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel referenza wkoll għall-proġett tal-car park fiż-żona tal-Freeport f’Birżebbuġa li ġej jesa’ 450 karozza fuq tlett livelli bi spiża ta’ €3.2 miljuni li x-xogħol fuqu għandu jibda f’ Ottubru li ġej.

Għalkemm żewg livelli min dan il-parking se jkun aċċessibli għall-publiku ġenerali, Toni Bezzina appella lill-gvern biex livell minnhom ikun riżervat esklussivament għar-resident ta’ Birzebbuġa u l-aċċess għalih ikun bla ħlas. Dan biex ipatti ftit għall-inkonvenjent li r-residenti ta’ Birżebbuġa qed ibatu minħabba l-Freeport.

Fid-diskors tiegħu, hu semma’ wkoll ix-xogħol ta’ tisbieħ li qed isiru fil-Pjazza tal-Imqabba u t-toroq tal-madwar, kif wkoll il-proġett tal-ġibjun u l-immaniġġjar tat-traffiku u għoti ta’ tarmak li qiegħed isir fil-by-pass tal-istess raħal; Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija. Hu qal li għalkemm dan ix-xogħol hu ta fejda għar-raħal tal-Imqabba, kieku ċertu nuqqasijiet ġew evitati dan il-proġett kien ikun ta’ livell ogħla.

Fosthom semma’ li medda tad-drenaġġ fi Triq il-Paroċċa li kienet f’ forma ta’ kanal fil-blat u minflok din ġiet mibdula b’ katusa biex jiġi evitat ħruġ ta’ drenaġġ fi djar li jinsabu fl-istess triq, id-drenaġġ tħalla jgħaddi minn ġo dan il-kanal imqatta’ fil-blat. Problema oħra hi li fi Triq il-Parocca kantuniera mal-pjazza tar-raħal ġie installat ‘feeder pillar‘ li estetikament se jkerrah il-pjazza.

Għalkemm l-iskop oriġinali li jitneħħew il-cables kollha minn mal-faċċati u s-servizzi jgħaddu minn service duct huwa wieħed tajjeb u ta’ min jinkoraġġih fi proġetti ta’ toroq ohra li jkunu se jsiru madwar il-pajjiż, bi ftit ħsieb kien ikun evitat li dan il-feeder pillar jitpoġġa f’ pożizzjoni daqsekk prominenti fil-pjazza tar-raħal bil-konsegwenza li estetikament se jkerrah din il-parti tal-pjazza.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ghamel referenza għax-xogħol fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-istess raħal fejn staqsa lil-ministru jekk sarux road safety assessments għall-junction ta’ bejn Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq il-Belt Valletta peress li din il-junction ġiet perikoluża. Hu staqsa wkoll x’ inhi r-raġuni li Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija djieqet konsiderevolment minn kif kienet qabel. Id-DeputatNazzjonalista Toni Bezzina għamel appell lill-gvern biex meta jsiru x-xogħlijiet fi Triq il-Belt Valletta, jiġu ikkonservati d-diversi siġar li jinsabu fuq iż-żewġ naħat ta’ din it-triq.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina kkundanna bla riżervi l-att vandalu fil-konfront tal-ġurnalista Dione Borg u appella lil kull min ghandu xi informazzjoni biex jgħaddiha lil pulizija biex il-ħati jinqabad. Hu qal li ma jistax jifehem kif fis-sena 2020 għad hawn min għadu jirraġuna b’ din il-mentalità viljakka.