Coronavirus Lokali

L-indikazzjonijiet juru li l-ajruport mistenni jiftaħ ix-xahar id-dieħel

Ikomplu jikbru l-indikazzjonijiet li l-ajruport internazzjonali ta’ Malta se jerġa’ jibda jopera mit-tielet ġimgħa ta’ Ġunju.

Konferma ta’ dan huwa n-numru ta’ titjiriet li huma aċċessabbli sabiex wieħed jibbukkja tramite siti online ta’ linji tal-ajru varji. U mill-21 ta’ Ġunju jidher li se jkun hemm titjiriet lejn l-Italja, Spanja, il-Greċja, Ċipru u l-Portugal.

Kien il-Ministru Ċiprijott Yiannis Karousos li f’intervista waqt il-programm Net Live fuq Net Television qal li mix-xahar id-dieħel Ċipru se tiftaħ 19-il rotta…fosthom dik lejn Malta.

Il-kumpanija Ryanair minn naħa tagħha ħabbret li mill-1 ta’ Lulju li ġej se terġa’ tibda topera 40% tat-titjiriet tagħha skedati għal Lulju. Dan hekk kif Spanja ħabret li se tkun qed tneħħi r-restrizzjonijiet ta’ vjaġġar.

B’hekk issa Spanja tiżdied mal-Italja, Ċipru, il-Greċja u l-Portugal li aktar kmieni wkoll ħabbru li se jiftħu l-lukandi u l-bajjiet għat-turisti fl-istaġun tas-sajf. Dawn il-pajjiżi mhux se jkunu qed jimponu kwarantina għat-turisti kollha li jidħlu f’pajjiżhom. 

Il-kumpanija Ryanar se tkun qed toffri diversi titjiriet minn pajjiżi li jinsabu fit-Tramuntana tal-Ewropa fosthom l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Belġjum, l-Olanda u l-Ġermanja lejn Spanja, l-Italja, Ċipru, il-Greċja u l-Portugal

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tħabbar li s-Supritendent tas-Saħħa Pubblika kienet qed testendi s-sospensjoni tal-ivvajaġġar minn u lejn Malta sal-15 ta’ Ġunju li ġej.

L-ajruport ta’ pajjiżna ilu magħluq għal kważi għaxar ġimgħat… mill-21 ta’ Marzu… bħala miżuri ta’ prekawzjoni sabiex twaqqfu l-importazzjonijiet ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 lejn il-gżejjer Maltin. 

Madankollu, hekk kif f’pajjiżna l-miżuri qed jibdew jiġu rilassati, l-ajruport kien fiċ-ċentru ta’ appelli konflinġenti minn diversi assoċjazzjonijiet fosthom l-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel fejn it-tnejn appellaw biex għalissa l-ajruport jinżamm magħluq.

Min-naħa l-oħra l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti appellat biex l-ajruport jerġa’ jinfetaħ.  Min-naħa tagħha, is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, it-Tnejn qalet li d-diskussjonijiet dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta għadhom għaddejjin fejn s’issa għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali.