Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Mhux se nħallu ‘l edukaturi tagħna u ‘l uliedna jintużaw bħala Guinea Pigs” – UPE

Permezz ta’ stqarrija, l-Union tal-Edukaturi Profesjonisti qalet li mhux se tippermetti li l-edukaturi u uliedna jintużaw bħala ‘Guinea Pigs’ f’xenarju fejn possibilment jafu jiżdiedu l-każijiet tal-Coronavirus f’pajjiżna.

L-istqarrija nħarġet fid-dawl tal-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd li għadda fuq l-istazzjon Laburista kkonferma li se jinfetħu ċ-Child Care Centres u li fl-1 ta’ Lulju se tibda SkolaSajf.

Il-UPE qalu li mill-ġdid il-Gvern naqas milli jiddiskuti magħhom qabel ittieħdet din id-deċizzjoni, u li l-għalliema għadhom sal-lum mingħajr ebda informazzjoni dwar dak li se jiġri.

Huma tennew li din l-aħbar ħarġet meta preżentament għad hemm restrizzjonijiet rigward distanzi soċjali, u saqsew jekk dan kollu issa hux se jaqa’.

Saqsew ukoll kif se jaħdmu l-edukaturi taħt ċertu miżuri, meta fir-realtà għal ħafna affarjiet huwa kważi impossibbli taħdem fi klassi b’restrizzjonijiet.

Il-Union qalet ukoll li LSE’s ma jistgħux iżommu d-distanza minn mal-istudent tagħhom, u talbet għal bosta drabi biex il-Gvern jikkonsulta mal-edukaturi.

Intant, fl-istqarrija li kienet iffirmata mill-Kap Eżekuttiv tal-istess Union Graham Sansone, intqal li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jagħti linji gwida u jinforma b’ċarezza dwar dak li se jsir, għax bħalissa l-għalliema, u kif ukoll il-ġenituri, jinsabu f’limbu u f’inċertezza.