NET NEWS jista’ jiżvela li lbieraħ iddaħħal f’pajjiżna grupp ieħor ta’ immigranti, biex b’hekk dan ix-xahar s’issa ddaħħlu diġa’ tliet gruppi differenti.
Dan kien konfermat lil dan is-sit mill-Ministeru tal-Intern, għalkemm ma ħarġet ebda stqarrija uffiċjali.
Kelliema għall-Ministru Byron Cammileri qaltilna “nikkonfermalek li sar salvataġġ. L-immigranti rġiel ittieħdu fuq il-bastiment tal-Captain Morgan filwaqt li n-nisa u t-tfal iddaħlu Malta”.
Wara li Net News żvela dettalji dwar dan is-salvataġġ, il-Forzi Armati ta’ Malta fi stqarrija qasira maħruġa kmieni dalgħodu qalu li filfatt kienu ddaħħlu 27 immigrant; 18 -il mara u disgħat itfal. Net News hu infurmat li dawn kienu parti minn grupp ta’ kważi 100 immigrant.
Intant mhux magħruf eżatt in-numru ta’ immigranti li jinsabu fuq il-vapuri tal-Captain Morgan 13-il mil nawtiku barra minn xtutna, madankollu huwa maħsub li dan ilaħħaq bejn 250 u 300.

It-tielet żbark ta’ immigranti fi ftit jiem
Grupp ta’ 19-il immigrant…il-maġġoranza tagħhom nisa u tfal…kien iddaħħal Malta tard il-Ġimgħa bil-lejl.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, grupp ieħor ta’ 18….. li kienu salvati mill-AFM ….ukoll spiccaw iddaħħlu f’pajjizna. Dwar dan, ma kien hemm ebda komunikat uffiċjali la mill-Gvern u lanqas mit-tmexxija tal-AFM.
Din il-kriżi marbuta mal-immigrazzjoni qed tiżviluppa fl-istess waqt illi l-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jirtira minn missjoni militari fil-Mediterran; missjoni li kienet intiża biex twaqqaf it-traffikar tal-armi minn u lejn il-Libja.
//= $special ?>