Lokali Saħħa

Operazzjoni li għalih se tfisser ħajja jew mewt

Brian għandu bżonn l-għajnuna tiegħek

27 t’Awwissu 1990. Brian kien għadu se jagħlaq 15-il sena. Kien jilgħab waterpolo mat-team tal-Belt. Qabel it-taħriġ, kien qed jgħum ma sħabu.

Jirrakkonta ma’ Net News kif dakinhar qabeż minn għoli ta’ 3 sulari fil-baħar. Hu stqarr magħna li hekk kif kien se jaqbeż intilef minn sensieħ, waqa’ u nofs ġismu spiċċa fuq il-blat u n-nofs l-ieħor fl-ilma. Brian litterallment inqasam min-nofs u kien biss grazzi għall-kowċ tiegħu li ħareġ mill-ilma u ttieħed l-emerġenza. Kien f’dak il-mument, mingħajr ma jaf li ħajtu nbiddlet.

Brian spiċċa f’koma għal ġimgħa u meta qam sab ruħu l-isptar. Il-professuri qalulu li mhux se jimxi iżjed hekk kif kiser is-sinsla ta’ dagħru. Kien hemmek fejn irrealiżża x’kien ġara hekk kif ftakar li l-aħħar ħaġa li ra b’għajnejh kienet ix-xena tal-baħar tal-pitch tal-waterpolo tal-Belt Valletta.

Għaddew 30 sena u s-sitwazzjoni marret għall-agħar. Brian ma jistax jagħmel il-bżonnijiet tiegħu, jgħix waħdu, ħadd ma jista’ jgħinu. Saru numru kbir ta’ interventi medici, iżda issa Brian għandu bżonn jagħmel operazzjoni serja b’mod urġenti. Din l-operazzjoni se tbiddillu numru ta’ affarijiet interni li huma vitali biex jgħix hekk kif dawn qed jikkangunawlu ħsara f’saħtu. Biex dan l-intervent isir, Brian irid mill-ġdid jerġa jinqasam min-nofs iżda din id-darba taħt il-lopju, operazjoni serja u riskjuża ferm.

Il-professuri qalulu biex jagħmel din l-operazzjoni pero hawn Malta ma ssirx u Brian bilfors irid isiefer barra minn xtutna. L-ispiża hija waħda ta’ eluf kbar ta’ ewro iżda jekk ma ssirx hu se jitlef ħajtu.

Brian saħansittra saħaq magħna li tant jinsab muġugħ li jikkunsidra jitlob permess għall-ewtansja għaliex ma jiflaħx jibqa’ f’dan l-istat. Madanakollu, bid-dmugħ f’għajnejh qalilna li ma jixtieqx imut, jixtieq isib l-għajnuna biex ikun jista’ jgħix ħajja aħjar u jkun iktar dependenti.

Ritratt: Matthew Tabone