Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, hedded li l-Konvenzjoni Nazzjonali tar-Repubblikani kapaċi ssir f’post differenti mis-sit stabbilit, jekk kemm-il darba jkunu imposti r-restrizzjonijiet għall-folla li għandha tattendi minħabba l-pandemija tal-coronavirus.
L-avveniment mistenni jsir f’North Carolina bejn l-24 u s-27 ta’ Awwissu.
Intant, Trump għamilha ċara li lest ‘imexxi s-sit tal-konvenzjoni’ lejn bnadi oħra jekk ma jingħatawx il-garanziji ta’ permess ‘għal folla massima’.
Fl-Istati Uniti mietu mal-100,000 persuna bil-coronvirus, b’numru ta’ Stat Amerikani qed iħarsu l-miżuri biex jevitaw il-firxa tal-infezzjonijiet.
Il-President, f’sensiela ta’ tweets, qal li Roy Cooper, il-Gvernatur Demokratiku ta’ North Carolina, ‘għadu fil-burdata għal shutdown’ u li Cooper ‘mhux kapaċi jiggarantixxi’ li l-avveniment, li suppost isir f’Charlotte ( skont ma kien ippjanat oriġinarjament), jilqa’ lin-nies ‘sal-massimu tal-kapaċità li jiflaħ jieħu s-sit’.
Trump qed jinsisti biex ir-Repubblikani li qegħdin jippjanaw biex jattendu l-konvenzjoni ‘jingħataw tweġiba immedjata mill-Gvernatur Cooper dwar jekk is-sit, f’Charlotte, jitħalliex li jimtela’ bil-partitarji’. F’każ li t-tweġiba ma tingħatax, Trump qed jaħseb diġà f’lokalità oħra biex issir il-konvenzjoni.
Fl-istess ħin, il-kelliema għall-Gvernatur Cooper qalu li North Carolina ‘qed tiddependi fuq id-data u x-xjenza biex tipproteġi s-sigurtà u s-saħħa pubblika’.
Persuna li tkun trid tikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti ma ssirx kandidat uffiċjali qabel jitħabbru n-nominati ta’ kull Partit għall-kariga ta’ President u Viċi-President tal-Istati Uniti waqt il-konvenzjonijiet nazzjonali rispettivi. L-avvenimenti huma fattur kruċjali tal-proċess elettorali qabel il-vot għall-Presidenza tal-pajjiż fit-3 ta’ Novembru.
Donald Trump qed jikkuntesta għal tieni mandat ta’ Presidenza u mgħandu l-ebda sfida mingħand kandidat ieħor tal-Partit Repubblikan fil-Gvern.
//= $special ?>