Il-kontinent tal-Amerika Latina sar l-epiċentru ġdid tal-kriżi globali tal-Covid-19. Dan ikkonfermatu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li sostniet li l-Brażil hu ‘sostanzjalment’ l-agħar pajjiż milqut minn fost l-Istati kollha fir-reġjun.
Dan meta r-rata tal-imwiet ( għal kull ġurnata) fil-Brażil issa hi l-ogħla fid-dinja – bi studju partikulari jwissi li l-vittmi mill-Covid-19, f’dan il-pajjiż, jistgħu jiżdiedu ‘b’ħames darbiet akbar’ sa Awwissu.
L-esperti tas-saħħa fil-Brażil wissew li l-vera ammont ta’ infezzjonijiet ikkonfermati jistgħu jkunu bil-wisq ogħla milli qegħdin juru r-rekords uffiċjali, minħabba n-nuqqas tat-testijiet fil-pajjiż Latin.
Studju mill-Università ta’ Washington sab li l-pajjiż kapaċi jirreġistra ‘il fuq minn 125,000 mewta mill-Covid-19 sal-ewwel jiem ta’ Awwissu. Din iċ-ċifra potenzjali qed titqies bħala qabża ‘fenomenali’ mit-total ta’ 24,512 vittmi (rappurtati sa issa) fil-Brażil.
It-tbassir segwa l-ewwel rapporti li ċ-ċifra tal-imwiet (għal ġurnata partikulari) mill-Covid-19 fil-Brażil kienet għaddiet iċ-ċifra tal-imwiet fl-Istati Uniti.
Nhar it-Tnejn kien hemm 807 mewta fil-Brażil waqt li fl-Istati Uniti mietu 620 fl-istess perjodu.
Ir-reġjun tal-Amerika Latina, issa, għandu aktar każi rappurtati ta’ Covid-19 għal kull ġurnata milli għandhom l-Ewropa u l-Istati Uniti.
Fl-istess ħin, l-imwiet mill-coronavirus (Covid-19) fl-Istati Uniti qegħdin javviċinaw il-100,000.
It-total tal-każi tal-Covid-19 madwar id-dinja issa għadda l-5.5 miljuni u li minnhom tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 350,000.
//= $special ?>