Futbol Sport

21 SENA ILU: Veselji jagħti l-FA Trophy lil Valletta fil-ħin barrani

(Ritratt: The Times)

27 TA’ MEJJU 1999

Valletta għamlu doppjetta fl-istaġun 1998/99 meta rnexxielhom jirbħu logħba missielta kontra Birkirkara bl-iskor ta’ 1-0. Il-finali tal-FA Trophy milgħuba quddiem eluf ta’ nies, kellha tkun deċiża bil-ħin barrani wara li l-iskor baqa’ 0-0 sad-90 minuta.

Iż-żewġ timijiet kellhom diversi plejers neqsin. Għal Valletta Joe Zarb u Kris Laferla, Alexander Ivanov u Jeffrey Chetcuti, bi Drasko Braunovic u Nicky Saliba jkollhom l-assistenza medika tul il-logħba. Birkirkara kellhom lil Antoine Zahra u Zoran Antic assenti filwaqt li Andy Eminyan, Michael Cutajar u Michael Galea weġġgħu fil-logħba.

Spikkaw id-dwelli bejn Darren Debono u Chucks Nwoko fuq naħa u Justin Tellus kontra Gilbert Agius fuq in-naħa l-oħra. Il-gowl rebbieħ ġie skorjat fil-108 minuta b’azzjoni ta’ Karl Bonnici, ix-xutt ta’ Mark Galea ġie salvat parzjalment minn Robert Savic, bil-ballun jispiċċa għand NENAD VESELJI li skorja l-gowl importanti.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Birkirkara pruvaw iwettqu reazzjoni lejn it-tmiem iżda Reggie Cini salva b’mod mirakoluż fuq tentattivi ta’ Justin Tellus u s-sostitut Matthew Calascione. Fl-aħħar sekondi tal-logħba tkeċċew Darren Debono għal Valletta u Robert Savic għal Birkirkara minħabba argument waqt korner Karkariż.

It-tisfira finali tar-referee Lorry Sammut wasslet għal inkwiet bejn iż-żewġ partitarji. Il-partitarji ta’ Valletta qabżu fil-grawnd u marru n-naħa ta’ Birkirkara li bdew jitfgħu kull ħaġa li sabu f’idejhom. Il-Pulizija daħħlet il-kavallerija anki fuq il-ħaxix u b’mod organizzat ikkalmat is-sitwazzjoni. Imbagħad saret il-preżentazzjoni, bil-captain ta’ dakinhar Reggie Cini jirċievi t-trofew mill-Viċi President tal-MFA.