Lokali

Approvat it-tnaqqis fil-pagi għall-ħaddiema tal-Cabin Crew

Uħud ser jitilfu €2,000 fix-xahar

Il-Cabin Crew tal-Air Malta qablu mal-ftehim li sar waqt in-negozjati bejn it-tmexxija tal-AirMalta u l-Union tal-Cabin Crew. Dan hekk kif tul il-jum tal-Erbgħa ittieħed vot dwar jekk il-membri tal-Cabin Crew tal-linja tal-ajru nazzjonali jaqblux mal-imsemmi ftehim.

Wara sitt sigħat ta’ votazzjoni 63.9% tal-membri qablu ma’ dan il-ftehim filwaqt li 35.7% ivvotaw kontra. L-impjegati kienu msejħa jmorru jivvotaw fiżikament, u mhux b’mod virtwali, sabiex wara ġimgħat sħaħ ta’ inċertezza…għalissa ħadd ma jitlef xogħolu ġaladarba kulħadd ibaxxi rasu għar-rieda tal-Air Malta.   

L-eżitu finali ta’ dan il-vot fisser li għalissa dawn mhux ser ikunu qed jitilfu xogħolhom u fisser ukoll li kellhom joqgħodu għal numru ta’ kundizzjonijiet fejn uħud ser ikunu qed jitilfu aktar minn €2,000 fix-xahar.

Sorsi li tkellmu ma’ NET NEWS insistew li l-ħaddiema tal-cabin crew tqassmu f’ħames kategoriji skont il-kuntratti u skont l-għażla ta’ kif ser ikunu qed jiġu mgħajta lura għax-xogħol. Fosthom għandek ħaddiema full-timers tal-post li ilhom jaħdmu qatigħ ma’ din il-kumpanija s-snin. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li minn €33,000 paga fis-sena garantiti ser ikunu qed jinżlu għal ħlas ta’ €14,000 fis-sena u ser ikunu qed jitħallsu apparti tal-vjaġġi li ‘il quddiem ser ikunu qed jaħdmu. Tnaqqis fil-paga bażika ta’ aktar minn 50%.

Fost il-kategoriji kien hemm ukoll il-part-timers, dawk deskritti bħala tal-post – li ser ikunu qed jitħallew jaħdmu biss żewġ vjaġġi fis-sena biex ma jitilfux il-liċenzja u dawk li kellhom kuntratti definiti.

Sorsi qrib NET NEWS spjegaw li ġaladarba issa qablu ma’ dan il-ftehim dawn tal-aħħar, li jammontaw għal madwar 150 impjegat, ser ikollhom il-kuntratt mġedded b’5 xhur u għaldaqstant għalissa mhux ser ikunu qed jitilfu xogħolhom.

Allegatament fil-maġġoranza tagħhom dawn ġew impjegati mal-linja tal-ajru fi żmien l-elezzjoni ġenerali tal-2017 kif ukoll oħrajn ingħataw l-impjieg tul is-sena li għaddiet.