Coronavirus Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Kważi BILJUN EWRO mill-UE għall-ġid tal-familji u n-negozji Maltin

Ħidma importanti mill-MEPs tal-PN fil-Partit Popolari Ewropew

Jidher illi Malta se tkun qed tingħata kważi biljun ewro f’għajnuna mill-UE biex pajjiżna jilqa’ għad-daqqa tal-Covid-19.

NET NEWS jista’ jiżvela li l-UE se tkun qed tagħti injezzjoni diretta ta’ €350 miljun f’fondi diretti, forma ta’ grants. Is-sorsi tagħna minn Brussell ikkonfermaw li ma dawn il-flus, iridu jiżdiedu €640 miljun f’self.

Parti mill-proġett ‘Next Generation EU’

Ursula Von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea

Dawn il-flus se jkunu bla dubju ta’ għajnuna kbira għall-industriji f’pajjiżna li ġew milquta direttament mid-daqqa tal-pandemija; flus li se jgħinu mhux ftit lill-ħaddiema, in-negozji u l-imprendituri li qed jiffaċjaw żminijiet ta’ sfidi kbar.

Il-pakkett ta’ għajnuna għal Malta kien frott ħidma kbira li twettqet mill-Partit Popolari Ewropew fl-aħħar ġimgħat, u miż-żewġ MEPs Maltin Roberta Metsola u David Casa.

Meta preżentat il-pjan tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen spjegat li dan il-pakkett ta’ għajnuna qed jissejjaħ ‘Next Generation EU’ u se jkun kruċjali biex l-UE tibni u tinvesti għall-futur; għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Iżda għall-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, dan il-pakkett jista’ jitqabbel mal-bajtar tax-xewk. Fil-Parlament, Scicluna saqsa kif se jitħallas lura dan is-self.

Din l-għajnuna se tkun parti mill-pakkett sħiħ ta’ fondi Ewropej li qed jiġi innegozjat minn Malta għas-7 snin li ġejjin.

B’kollox, l-UE se tkun qed toħroġ €750 biljun.

Issa jonqos biss l-approvazzjoni tal-Mexxejja tas-27 pajjiż membru.