Li taħsel idejk, il-frott jew il-ħaxix, jew li żżomm l-indafa hi xi ħaġa li għandek tagħmel dejjem u mhux biss minħabba l-Covid-19 … “għax il-mard iġib il-mard”.
Din kienet l-unika konsolazzjoni li s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis ta lil semmiegħ anzjan li, waqt xandira fuq ir-radju, qasam miegħu l-inkwiet tal-kontijiet li se jirċievi wara dawn ix-xhur li ilhom id-dar (skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa).
L-anzjan spjega li, minbarra l-attakk nervuż li jridu joqgħodu jaħslu kull ħaġa, hu u martu jinsabu nkwetati kemm ġej il-kont tal-ilma għax s’issa għadu ma nstema’ xejn dwar dan. “U diġà l-kontijiet li qed jintbagħtu, ħafna ma jaqblux magħhom”, kompla, filwaqt li qal li “issa se jġennuna bil-kontijiet”.
Appena l-anzjan lesta l-intervent tiegħu, Silvio Parnis ipprova jkompli jikkonsla lin-nies billi qagħad jirrepeti l-messaġġ politiku tal-Partit Laburista li fl-aħħar seba’ snin, il-kontijiet raħsu. Iżda dan il-kumment wassal għal reazzjoni ta’ anzjan ieħor, li qabel mas-semmiegħ l-ieħor bl-istess tħassib dwar il-kontijiet tal-enerġija.
Għaldaqstant, staqsa lis-Segretarju Parlamentari jekk “għalina l-anzjani m’hemm xejn?”. Dan filwaqt li spjega li, “mhux billi qed issemmi’ seba’ snin ilu, jien kulma ffrankajt mill-kont tad-dawl u l-ilma hu €20 ta … intrebħet elezzjoni fuq id-dawl u l-ilma”.
L-anzjan sfida lil Silvio Parnis biex jiltaqgħu u jurih l-irċevuti. Iżda, wara din iċ-ċanfira, hu dawwar id-diska u qal li “ma nistax nidħol fil-kontroversja dwar kif intrebħet l-elezzjoni”, bil-preżentatur jgħin lis-Segretarju Parlamentari billi (issa) jgħid li “dan mhux programm politiku, iżda biex inwasslu servizz lin-nies”.
Madankollu, l-istess preżentatur, aktar tard jgħaddi kumment personali billi jwaqqa’ għaż-żufjett dan it-tħassib meta qal li ż-żieda fil-kontijiet hi “ovvja” u “tagħmel sens” għax “uża’ aktar is-servizz tal-enerġija, warakollox”.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari tenna t-tħassib tal-ħafna meta kompla billi kkwota raġel ieħor li ltaqa’ miegħu qabel il-programm u kkonfermalu li fejn qabel kien imur jieħu platt għaġin, issa, “minflok inħallas għall-platt għaġin, inħallas għall-ilma żejjed li nkun ħlejt”.
//= $special ?>