Lokali Transport

FILMAT: Toroq li tlestew fl-aħħar xhur mhux tajbin għax-xita

Wara għadd ta’ jiem bi twissijiet mill-Uffiċċju Meteoroloġiku, illum il-gżejjer Maltin inħakmu minn ħalbiet ta’ xita … temp li mistenni jerġa’ jkun magħna fil-jiem li ġejjin, partikolarment is-Sibt.

Iżda fuq kollox, dan it-temp ħalla lil kulħadd imħasseb għal-livell ta’ xogħol li qed isir fit-toroq Maltin.

Fil-fatt, qarrejja bagħtu ritratti lil NETnews.com.mt biex juru kif żewġ toroq partikolari li tlestew dan l-aħħar wara xhur maqlugħin – Triq Ġorġ Borg Olivieri fir-Rabat u Triq il-Wied f’Ħal Balzan – mhux tajbin għax-xita.

Minkejja x-xogħol riċenti, u l-eluf ta’ ewro li ntefqu fuqhom fi flus lokali u mill-Unjoni Ewropea, mal-ewwel xita, jidher l-għargħar u t-tappieri tal-ilma maqlugħin minn posthom. Residenti kkummentaw ukoll dwar l-irwejjaħ qawwija u anke l-ħsarat fil-vetturi u r-residenzi tagħhom minħabba l-ilma.

Dan filwaqt li ma tonqosx il-problema tal-għargħar ukoll f’toroq oħrajn madwar il-pajjiż li huma magħrufa għal din il-problema.

Għaldaqstant, l-appell tagħna jibqa’ li toqgħodu attenti fis-sewqan, ladarba din il-problema tidher li fadlilha tkarkar mhux ħażin.