Coronavirus Futbol Sport

Għada mistennija d-deċiżjoni finali dwar is-Serie A

Wara ġimgħat ta’ dubji, għada mistennija tittieħed id-deċiżjoni finali dwar il-kampjonat tas-Serie A. Il-Gvern Taljan jidher li biddel xi ftit il-pożizzjoni tiegħu wara l-mod trankwill ta’ kif irritorna l-futbol fil-Ġermanja.

 Il-Ministru tal-Isport Taljan, Vincenzo Spadafora mistenni jiltaqa’ mal-President tal-FIGC, Gabriele Gravina fejn l-aġenda tal-laqgħa se tkun jekk jirritiornax il-futbol fl-Italja u jekk jintlaħaq ftehim dwar dan, tiġi deċiża d-data meta dan jista’ jsir. Bosta rapporti qed jgħidu li l-futbol fl-Italja jista’ jirritorna bejn it-13 u l-20 ta’ Ġunju. L-20 klabb tas-Serie A b’mod uanimu kollha vvutaw favur li jitkompla l-kampjonat.

It-timijiet kollha se jkunu marbutin b’miżuri stretti simili għal dawk li qed jintuża fil-Bundesliga. It-tellieqa għar-rebħ tal-kampjonat għadha miftuħa meta qabel ma twaqqaf il-kampjonat, Juventus kienu qegħdin fl-ewwel post b’63 punt segwiti minn Lazio li jinsabu punt taħthom b’Inter fit-tielet post b’54 punt.