Internazzjonali

Hong Kong: Mijiet ta’ arrestati fost l-ispinta ta’ inkwiet u tensjoni

Il-pulizija f’Hong Kong – it-territorju semi-awtonomu taċ-Ċina – arrestaw ‘il fuq minn 300 persuna waqt li sparaw il-pepper pellets għal fuq in-nies fost mewġa ġdida ta’ inkwiet.

L-inċidenti seħħew meta gruppi ta’ dimostranti kienu qed jipprotestaw kontra abbozz li jirrigwarda l-innu nazzjonali taċ-Ċina, kif ukoll kontra l-pjan tar-reġim komunista Ċiniż biex jintroduċi liġi ġdida dwar is-sigurtà għat-territorju ta’ Hong Kong.

Intant, il-pulizija qalu li n-nies miżmuma kienu suspettati bħala l-instigaturi wara miġemgħa li ma kenitx awtorizzata mill-awtoritajiet.

Id-dimostranti f’Hong Kong qegħdin isemmgħu leħinhom kontra l-abbozz dwar l-innu taċ-Ċina li jesiġi biex ‘sitwazzjoni fejn xi ħadd jinsolenta l-innu titqies daqslikieku reat kriminali’.

Intant, l-aktar ħaġa li qed tinkwieta lin-nies ta’ Hong Kong hi l-liġi tas-sigurtà ġdida li skont huma u l-osservaturi, għandha ‘twarrab diversi kunċetti ta’ libertà bażika’ għat-territorju semi-awtonomu.

L-aħħar inkwiet mal-pulizija seħħ waqt li d-deputati fil-Kunsill Leġislattiv ta’ Hong Kong kienu qed jiddibattu t-tieni qari tal-abbozz dwar l-innu nazzjonali. Il-parti kbira tad-dimostranti arrestati kienu qed jimblukkaw it-traffiku f’numru ta’ distretti, bil-pulizija tarresta wkoll xi persuni fuq suspett li kienu fil-pussess ta’ armi, inklużi bombi tal-petrol.

Hong Kong, li kien spiċċa minn kolonja Britannika fl-1997, ilu minn dik is-sena jgawdi livell ta’ libertà li mhux permess għal bnadi oħra taċ-Ċina,